Adrian Delia qal li qed jikkunsidra vot ta’ fiduċja fost it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
F’intervista fuq ir-radju tal-Knisja, Delia m’eskludiex lanqas li jagħmel tellieqa oħra għall-Kap jekk skont kif qal hu, dan ikun fl-aqwa interess tal-Partit Nazzjonalista.
Delia stqarr: “Iva qed nikkonsidra vot ta’ fiduċja imma l-vot irid itini s-saħħa li jkolli l-kulħadd warajja għax inutli jkollok min xorta ma jridx jaħdem miegħek.”
Intervistat minn Dun Joe Borg, iċ-chairman tal-bord editorjali tal-midja tal-Knisja, li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti tħabbeb sew fiċ-ċrieki tal-poter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta twissija ċara li fil-laqgħa li jmiss tal-Eżekuttiv se jieħu azzjoni kontra min sfiduċjah.
Huwa sostna: “Thursday irid ikun hemm id-deċizjoni fejn irridu mmorru.”
Ippressat minn Borg għala ma rreżenjax wara li kien sfiduċjat għal darba darbtejn, tlieta, Delia reġa’ tenna li l-vot ma jorbtux biex jirriżenja.
Biex jiġġustifika, huwa għamel dan il-paragun: “Laqqa’ l-kappillan, il-patrijiet tiegħu u ddeċidew li jneħħu l-Papa minflok marru l-Vatikan u jagħmlu l-konċilju.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jiftħilha dwar il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil. Akkużahom li jridu jibqgħu imexxu u jagħżlu huma.
Delia sostna: “Tridx jagħżlu ħamsa minnhom u nagħmlu konklavi żgħir u jagħżlu kollox huma. Hekk kien isir qabel fil-Partit Nazzjonalista u hawn min jippretendi li jibqa’ jsir hekk.”
Fid-dagħdigħa li kien fiha, Delia akkuża wkoll li ta’ kontrih lanqas jikkontesta l-elezzjoni ma jriduh.
Huwa saħaq: “Qisu hawn xi ħadd li lil Adrian Delia ma jridx iħallih jagħmel u jikkontesta elezzjoni ġenerali waħda.”
Madanakollu Delia wera biċ-ċar li anke jekk jirbaħ vot ta’ fiduċja ieħor, ma għandux idea ta’ kif jista’ jwaqqaf dan l-inkwiet u ġlied li issa biċċer lill-Partit f’Tal-Pietà.
Huwa tenna: “Imma jekk nirbħu kif ħa ssolvi l-ebusija tar-ras li hemm min jiġri x’jiġri ma jridx jikkopera?”
U meta mistoqsi minn Dun Joe Borg dwar ir-riżultati tas-sondaġġi, Delia wissa’ li kieku kellu jwarrab, min jiġi warajh se jiffaċċja l-istess problemi mal-elettorat.
Delia wieġeb: “F’daqqa waħda ħa jfeġġ da u f’sena u nofs ħa nirbħu l-elezzjoni?”