Fil-bijografija onlajn tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ftaħar li għal snin twal kien il-konsulent tal-kumpanija Żvediża Skanska.
“For years he advised Skanska, the multinational construction company which completed Malta’s State of the Art, Mater Dei Hospital, the largest procurement contract on the island to date.”
Skanska kienet il-kumpanija inkarigata mill-bini tal-Isptar Mater Dei u li kienet responsabbli għall-konkos difettuż li kien jikkaratterizza partijiet differenti mill-isptar.
Fil-fatt, fl-2014 ġie skopert il-konkos difettuż f’Mater Dei fi żmien meta l-Gvern kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-Emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dak iż-żmien, analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet uriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ żewġ sulari addizzjonali
B’riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ 150 miljun ewro mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jitranġa.
Minkejja dan, meta l-gvern Malti mar biex ifittex lill-kumpanija Żvediża, l-arbitraġġ internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti spiċċa eżonera lil Skanska minħabba r-rinunzja li kien iffirma l-gvern Nazzjonalista sabiex Skanska ma tkunx responsabbli għal difetti li setgħu jinqalgħu fil-bini tal-isptar.
Kien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi li, permezz tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, kien iffirma ftehim li fih ċeda d-dritt li jfittex lil Skanska f’każ li joħorġu xi difetti fil-proġett f’Tal-Qroqq, li kien taħt ir-responsabilità tagħha.
Waqt li kienet qed tiġi diskussa mozzjoni b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet fil-Parlament il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn għal dan.
“Meta l-ħabib tiegħi, id-Deputat Prim Ministru, mar biex ifittex lil Skanska ftit tal-snin ilu, mhux wisq, biex ifittixhom talli serqu sfaċċatament lill-poplu Malti, sibna ma’ wiċċna klawsola li kienet tagħti l-ħelsien, il-maħfra, lil Skanska għal dak kollu li naqsu lejh lill-poplu Malti. Immaġinak, Sur President, tiskopri li din il-kumpanija serqet lill-poplu Malti fil-proċess ta’ kostruzzjoni u l-Istat, il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Gonzi, jagħtiha waiver.”
Fid-dawl ta’ dan, il-Prim Ministru espona l-fatt li Adrian Delia kien il-konsulent legali ta’ din il-kumpanija.
“Imma fatt ieħor, sur President, li ħadd ma semmieh hawnhekk, min illum qed ipinġi lilu nnifsu bħala d-difensur tad-drittijiet tal-poplu, Skanska f’pajjiżna kellha għal għaxar snin sħaħ bniedem li ġewwa Malta kien jgħatti u jipproteġi d-drittijiet tagħha – ħa ngħid x’jipproteġi d-drittijiet tagħha. Taf min kien, sur President? Qiegħed f’dil-Kamra faċċata tiegħi. Għal għaxar snin sħaħ ,Adrian Delia kien il-konsulent legali ta’ Skanska. Ara dakinhar, sur President, ma ħarqitux qalbu biex jipproteġi l-interessi tal-poplu Malti – għaxar snin sħaħ konsulent ma’ Skanska.”
Il-Prim Ministru ma waqafx hawn u kompla jikxef l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista meta jitkellem dwar il-proġetti fil-qasam tas-Saħħa.
“Mhux se noqgħod ngħid, Sur President, li l-proġett ta’ Mater Dei ħa 20 sena biex tlesta. Mhux se ngħid lanqas li, meta tlesta, irrealizzaw li kien żgħir wisq għal pajjiżna u li ma kienx idoneu għall-bżonnijiet li għandu l-pajjiż.”
Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel ukoll aċċenn għar-rapport tal-Awditur Ġenerali, li kien investiga l-proġett tal-bini tal-Isptar Mater Dei.
“Lanqas se ngħid li, b’mod oxxen, sparpaljaw flus il-poplu talli l-isptar mhux ġie jiswa darba, darbtejn, u tlieta, u ma nafx kemm-il darba iżjed minn kemm kienu pproġettaw illi jonfqu għalih. Lanqas se ngħid li hemm Lm200 miljun, l-ekwivalenti għal €466 miljun ta’ dak iż-żmien – ara kemm kienu jiswew iżjed – li, meta saret l-investigazzjoni, qalu ‘Ħeqq, dawn sparixxew.”