L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia weħel meta f’dibattitu politiku fuq il-Programm Insights ġie mistoqsi jekk kienx hemm tibdil fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Delia, li evidentament beda jdur mal-lewża U qal li jekk saritx bidla nkunu nafuha l-ġimgħa d-dieħla wara li jagħżel l-elettorat Malti u Għawdxi.
Hu qal hekk:
Adrian Delia: “Isir mill-poplu t-tibdil.”
Glen Falzon: “Ma weġibtnix, iva jew le. Kien hemm tibdil fil-PN internament.”
Adrian Delia: “Il-ġimgħa d-dieħla nwieġbek, ħeqq.”
Fid-dibattitu politiku, Adrian Delia ddistakka ruħu wkoll mill-Programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista li sal-ġurnata tal-lum inbidel minn tal-inqas ħames darbiet minn meta ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-ġurnalist Glen Falzon staqsieh, “L-awtur min hu tal-proposta tal-PN? Nafuh? Għadu mhux moħmi?
Delia wieġbu, “Jiena dik ma dħaltx fiha xejn.”
Hawnhekk, meta mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni ta’ Kirsty Debono meta qalet li l-miżuri tal-Partit Nazzjonalista huma nofs sajran, Adrian Delia fuq ix-xandir qabel magħha.
Il-ġurnalist irrimarka, “Qalet li ma temminx f’miżuri nofs sajran.”
Delia qal, “Lanqas jien, mhux hekk ħadd ma jemmen f’miżuri nofs sajran.”
Dwar il-wegħda ta’ Bernard Grech li jagħmel it-trackless tram Adrian Delia stqarr li ma jistax iwieġeb meta mistoqsi jekk hix l-aħjar alternattiva għat-trasport pubbliku.
Delia qal, “Liem hi l-aħjar jien ma nistax ngħidlek, minix perit jew enġinier, jien Avukat.”
Falzon staqsa, “Iġifieri ma taħsibx li tal-PN hi l-aħjar?”
Adrian Delia wieġeb, “Ħa ngħidlek, ħa ngħidlek.”
Delia farfar ukoll meta mistoqsi mill-preżentatur u ġurnalist Glen Falzon jekk il-Partit Nazzjonalista hux jipproponi li titneħħa karreġjata.
Argument li wkoll ma qablux fuqu d-deputati tal-Partit Nazzjonalista l-Perit Toni Bezzina u l-Inġinier Ryan Callus.
Il-ġurnalist Glen Falzon staqsa, “Wieħed qal li se jittieħdu l-karreġjati u l-ieħor qal li mhux se jittieħdu, x’inhi l-verita?”
Delia wieġeb, “Naħseb trid issaqsi lilhom hawnhekk għax mhux ħa nwieġeb għal tnejn min-nies li mhux qegħdin hawn.”
Fl-istess dibattitu s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi nnota d-differenza kbira bejn iż-żewġ partiti u qal li l-Partit Laburista qed jippreżenta l-pjan ċar għall-pajjiż.
Hu tenna, “Fuq kollox qed jagħti mhux biss viżjoni imma qed jagħti l-proposti tat-triq ‘il quddiem ta’ kif aħna se nkunu qed inwasslu l-pajjiż illi flimkien żgur illi se nagħtu aktar suċċessi aktar kisbiet u dak il-manifest żgur li jkun ir-rabta tagħna man-niesta’ dak li se nkunu qed inwettqu fil-ġejjieni jekk fis-26 ta’ Marzu jisilfuna l-fiduċja.”