Il-qiegħa kompliet tisħon hekk kif l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia giddeb lil Bernard Grech u sostna li hu talab free vote bil-miktub lill-Kap dwar il-vot fil-liġi tal-IVF.
Delia qal dan mas-sit MaltaToday wara li ġie kkuntatjat għal reazzjoni b’rabta ma’ dak li qal Bernard Grech lill-istess sit, il-Ħadd filgħaxija.
Quddiem numru ta’ Deputati Nazzjonalisti li għamluha pubblika li ma jaqblux mal-emendi fil-liġi tal-IVF u li se jittieħed vot fil-Parlament, il-Ħadd filgħaxija Bernard Grech sostna mal-MaltaToday li ħadd mill-Grupp Parlamentari tiegħu, ma talab għal free vote fil-Parlament.
B’reazzjoni għal dan il-MaltaToday ikkuntatjat lill-Eks Kap Adrian Delia u kien hawn li giddeb lil Bernard Grech hekk kif sostna li mhux minnu li ħadd ma talab għal free vote.
Fil-fatt, Adrian Delia sostna li hu kiteb lill-Kap sabiex jitolbu free vote quddiem il-vot fil-Parlament.
Dan apparti li l-Malta Today qalet li sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li hemm iżjed Deputati Nazzjonalisti li bagħtu email lil Bernard Grech u talbuh free vote.
Dan l-aħħar żvilupp ikompli jikkonferma l-qasma li għadha teżisti bejn iż-żewġ fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali u l-konfużjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq liġi li tagħmel differenza fost bosta familji.
Dan anke fid-dawl tal-fatt li numru ta’ Deputati Nazzjonalisti fostom Carm Mifsud Bonnici u Ivan Bartolo ngħaqdu ma’ Adrian Delia u ħarġu kontra d-direzzjoni tal-Kap Bernard Grech.
Intant l-eks Kap Nazzjonalista rrijaferma l-pożizzjoni tiegħu fuq Facebook u f’botta ċara lejn il-Kap tiegħu tenna li hu mhux qiegħed fil-politika biex ibaxxi rasu jew biex isegwi, imma biex juri t-triq.