F’ġurnata oħra ta’ nkwiet u firda fil-Partit Nazzjonalsita, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li hu se jibqa jmexxi l-Partit Nazzjonalista anki jekk isir attentat biex jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Hu u dieħel fid-Dar Ċentrali, Adrian Delia qal li se jibqa’ fil-kariga ta’ Kap Nazzjonalista/ Dan f’botta ċara lejn il-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil, f’tentattiv ieħor biex tipprova teliminah minn Kap Nazzjonalista.
Delia qal: “L-intenzjonijiet tiegħi huma ċari, dejjem kienu ċari. L-obbligu tiegħi huwa kemm ta’ Kap tal-Oppożizzjoni u kemm ta’ Kap Nazzjonalista. Kap Nazzjonalista tiġi elett skont l-istatut. Kap tal-Oppożizzjoni tirrappreżenta lill-maġġoranza tad-deputati fil-fil-Parlament. Ix-xewqa tiegħi, rather li jkolli r-rieda, li tnejn ikunu flimkien.”
Mistoqsi dwar dak li ġie rrapurtat fil-midja l-Ħamis, Delia qal li l-President tar-Repubblika ma bagħatx għalih. Delia wieġeb: “Ilbieraħ kien hemm fil-gazzetti li sejjaħli l-President tar-Republikka. La sejjaħli u lanqas tlabt li niltaqa’ miegħu jien.”
Meta mistoqsi, il-President tar-Repubblika George Vella qal li qed isegwi dak li tgħid l-kostituzzjoni. Il-President stqarr: “Nintrabbat ma’ Artiklu 90 fejn malli jkolli xhieda konkreta li m’hemmx l-appoġġ tal-maġġoranza allura jkun ifisser li m’għaddx għandhom fiduċja fih u l-pożizzjoni ma tkunx tenibbli. Però jien mhux qiegħed biex nimbotta s-sitwazzjoni imma biex nirreaġixxi għal dak li jkun żviluppa.”
F’aktar attakki lejn Adrian Delia, il-moviment żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN ħareġ jitlob għar-rizenja ta’ Adrian Delia.
Izda mill-ewwel wieġeb il-President ta’ TEAM Start, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-fazzjoni Delia, Thomas De Martino li ħareġ jappoġġja lil Adrian Delia u qal li għandu jibqa’ fit-tmun tal-Partit.
Intant, il-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal li minkejja li se jlaqqa’ l-Eżekuttiv, dan m’għandux is-setgħa li jbiddel la l-Kap u lanqas il-Viċi Kapijiet tal-Partit.