Wara li ġie sfiduċjat, Adrian Delia qal li hu se jibqa’ Kap Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni.
F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sagħtejn ta’ bil-lejl Adrian Delia ta r-reazzjoni tiegħu wara li ġie sfiduċjat mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Huwa sostna: “Għada nidħol lura għax xogħol bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni.”
B’ton li mhux se jċedi wara li 19-il deputat sfiduċjah, u 11-il deputat urewh appoġġ, Delia bagħat messaġġ ċar lil min irid ineħħih.
Delia saħaq: “Iżda t-tesserati tal-Partit għamlu għażla biex jien immexxi l-Partit.”
Wara li Chris Said, il-kontestant kontra Delia fit-tellieqa għal Kap fis-sajf ta’ tliet snin ilu, preżenta l-mozzjoni ta’ sfiduċja li ġiet is-sekondata minn Therese Comodini Cachia, Adrian Delia qal li kulħadd irid jerfa’ r-responsabilità ta’ għemilu.
Delia tenna: “Tlabt li l-vot ikun miftuħ. Ħalli kulħadd jerfa’ responsabilità imma l-vot kien sigriet. Kulħadd għandu l-għażliet imma kulħadd jerfa responsabilità tiegħu.”
Delia qal li xejn ma jista’ jneħħih minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Huwa saħaq: “Ġejt elett għal terminu u xjen u ħadd ma jista jneħħi minn dik il-kariga.”
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-partit informa lill-grupp parlamentari li beħsiebu jsejjaħ immedjatament laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fuq is-suġġett ta’ sfiduċja.
Intqal li wara dan, Chris Said insista li xorta waħda jittieħed il-vot li fuq talba tal-istess membri tal-grupp parlamentari ittieħed b’mod sigriet.
Il-Partit Nazzjonalista qal li Adrian Delia se jsejjaħ immedjatament laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv fuq l-istess vot, kif iddikjara li se jagħmel anki qabel l-istess vot.