L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li Manuel Delia huwa giddieb meta dan kiteb dwar l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u l-inkjesta pubblika b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
B’reazzjoni għall-artiklu ta’ Manuel Delia, li mhux l-ewwel darba li kiteb kontra Adrian Delia u ħadem biex dan tal-aħħar ma jibqax Kap Nazzjonalista, Adrian Delia qal li dak li kiteb Manuel Delia huwa gidba assoluta.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Adrian Delia għalaq bil-kelma giddieb lejn Manuel Delia.
Manuel Delia u tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ta’ spiss allegaw li Adrian Delia ħa jew ġie offrut flus m’għand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa, fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Wara li spiċċa minn Kap, ta’ Manuel Delia ta’ spiss għamlu l-pressjoni biex Adrian Delia saħansitra jitneħħa minn Deputat Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Manuel Delia kiteb ukoll kemm il-darba dwar il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ma jħallix lil Adrian Delia jkun kandidat Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dawn il-manuvri bdew jimmuntawhom ukoll ta’ Beppe Fenech Adami, li jaraw lil Adrian Delia bħala theddida peress li jrid joħroġ fuq it-tmien distrett, id-distrett meqjus minn ta’ Fenech Adami bħala dak id-distrett li ma jmissulhom ħadd.
Manuel Delia u tar-Repubblika ħadu rwol iżjed ċentrali u voċiferu fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech, li tpoġġa Kap minn dawn l-istess nies.
Sa din il-ġimgħa stess, tar-Repubblika ltaqgħu fid-Dar Ċentrali ma’ Bernard Grech biex jiddiskutu strateġija politika, tant li preżenti għal-laqgħa kien hemm l-id il-leminija ta’ Grech, Ray Bezzina u Chris Peregin.
Apparti minn hekk, il-Ġimgħa filgħodu, waqt diskussjoni parlamentari dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika, apparti l-Kap Bernard Grech, tħallew jitkellmu biss id-deputati tal-Blue Heroes u li huma viċin l-għaqda Repubblika, fosthom Karol Aquilina u Jason Azzopardi.
Lanqas iż-żewġ Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo ma ngħataw minuta mill-ħin parlamentari.
Intant fl-aħħar jiem, Bernard Grech ħeġġeġ lin-nies biex jattendu għall-protesti u għal dak li jorganizzaw tar-Repubblika u Manuel Delia, l-istess persuna li Adrian Delia, illum deputat ta’ Grech, qed jgħajru giddieb.