Fuq radju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ftaħar kemm huwa kontra l-investiment li qed isir fit-toroq ta’ pajjiżna.
Bi kburija qal li huwa dejjem ikkritika x-xogħol massiċ li qed isir biex l-infrastruttura tal-pajjiż tissaħħaħ.
Qal “Jiġifieri meta l-Gvern qed iniedi programm ta’ seba’ mitt miljun u jiena kont ikkritikajtu.”
Fl-istess jum li l-familji Maltin u Għawdxin bdew jirċievu ċ-ċekkijiet taċ-children’s allowance qabel tibda l-iskola u kif dan l-aħħar sar magħruf li b’sensiela ta’ miżuri bħal taċ-childcare b’xejn u l-iskemi tal-first-time buyers l-Gvern qed jagħti mal-mija u tmienja u għoxrin miljun ewro fis-sena, il-Kap Nazzjonalista ta x’jifhem li għalih il-Gvern mhux qed iqassam il-ġid.
Delia qal kif “Mela allura dak li l-Gvern qed ibigħ illi huwa improvement illi ġid ikbar li qed jiġi kreat, maħluq, mhuwiex qed jasal għand in-nies.”
F’għoxrin minuta fuq ir-radju, Delia kien negattiv u b’ton aggressiv attakka lil kull min ġie f’ilsienu.
Qal kif “Malta falliet… il-pulizija li mhijiex qed tagħmel xogħolha biżżejjed.”
Biex b’hekk il-Kap Nazzjonalista uża narattiva simili ta’ dik li kien juża ta’ qablu f’tentattiv li jipprova jingħoġob mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li tgħidx kemm għamlitlu gambetti anki sa dawn l-aħħar jiem minħabba l-mod fqir li l-Partit Nazzjonalista se jiċċelebra l-festi tal-Indipendenza.