L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kien ħa d-deċiżjoni li ma jippubblikax l-Pre-Budget Document.
Dan meta li l-iskop aħħari ta’ Pre-Budget Document huwa li jwassal il-pożizzjoni tal-istess partit u jinforma lill-pubbliku dwar il-viżjoni ekonomika u l-proposti tiegħu ta’ qabel il-Baġit.
Delia qal dan waqt dibattitu fuq ir-radju tal-Knisja mal-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, fejn fih, ġie mistoqsi dwar dan id-dokument intern li ġie llikjat lill-Partit Laburista.
Qal, “Mhux vera li gara xi ħaġa issa biex ġie deċiż biex ma jiġix ippublikat ħadna d-deċiżjoni fil-Grupp Parlamentari ma jiġix imniedi Pre-Budget Document.”
Delia qal dan minkejja wkoll li l-Kap Bernard Grech, propju fil-jum li ġie llikjat dan id-dokument, instema’ jgħid lill-kelliema tiegħu li ġie tradut.
Id-dokument ta’ qabel il-Baġit tal-Partit Nazzjonalista ġie llikjat minn persuni fi ħdan iċ-ċirku intern ta’ Bernard Grech wara li ma felħux l-inkompetenza lampanti li qed tiddomina fid-Dar Ċentrali.
Meta ppressat dwar kif dan id-dokument intern spiċċa f’idejn il-Partit Laburista, Delia deher skomdu għall-aħħar u ma ċaħadx l-oriġinalità tiegħu u li dan ġie llikjat minn persuni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Andrew Azzopardi – “Naqblu li xi ħadd mill-Partit Nazzjonalisa illikjah”
Adrian Delia – “Dak mhux lili trid tgħid imma lilu once again.”
Andrew Azzopardi – “Le anke lill-Partit Nazzjonalista trid tgħid.”
Adrian Delia – “Ma nafx”
Filwaqt li dan id-dokument ġie deskritt bħala wieħed nieqes mis-sustanza mill-esperti u l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista stess waqt li kienu qed jippruvaw jiffinalizzawh, din mhux l-ewwel istanza fejn inkixfet l-inkompetenza ekonomika u finanzjarja tiegħu.
Fil-fatt, it-taħwid tal-Oppożizzjoni dwar il-Pre-Budget Document sar jokkupa appuntament anwali, kull darba li joqrob Ottubru.
Dan hekk kif is-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista nieda viżjoni f’erba’ slides minflok Pre-Budget Document, filwaqt li s-sena ta’ qabel nieda document mimli żbalji li ġibed lejh kritika kbira saħansitra mill-midja indipendenti.
Intant, waqt l-istess programm, Delia ġie mistoqsi ukoll dwar kif fil-ġimgħat li għaddew il-Partit Nazzjonalista rikeb fuq fake news u għamel allegazzjonijiet bla bażi kontra l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, b’rabta mal-mewt ta’ Stephen Mangion.
Minflok il-kelliem ta’ Bernard Grech qal li hu dejjem kien kawt fi kliemu.
Qal, “Kont attent ħafna f’dak li għadt. Saret press conference, u tkellimt b’kawtela kbira.”
Iżda l-fatti juru mod ieħor, hekk kif l-għada li tħabbret il-mewt ta’ Mangion, il-PN sejjaħ konferenza tal-aħbarjiet f’tentattiv insensittiv, biex jiggwadanja politikament.
Konferenza tal-aħbarijiet fejn Delia mingħajr ma kellu l-fatti kollha, straħ fuq dak allegat minn fake profile fuq Facebook u instiga tgħajjir u mibgħeda fil-konfront tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa
Qal, “Minkejja li dan suppost ingħata l-għajnuna minnufih, minkejja li suppost ġie ttrattat b’emerġenza, dan tħalla jistenna għal sigħat, bil-konsegwenza traġika li tilef ħajtu.”
Iżda kellhom jgħaddu biss ftit jiem, biex fl-inkjesta maġisterjali ta’ aktar minn ħames mitt paġna, ma nstab li kien hemm l-ebda nuqqas mill-professjonisti tas-saħħa li dakinhar assistew lil Mangion.