L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista fetħilha kontra l-Lovinmalta fil-jum li fih kellu jibda jinstema’ l-libell li fetaħ kontriha.
Is-sid ta’ Lovinmalta sal-lum huwa Chris Peregin, l-istrateġista ewlieni ta’ Bernard Grech.
Dan wara li Peregin baqa’ ma biegħx l-ishma tiegħu f’dan is-sit elettroniku anke jekk wiegħed mod ieħor.
Skont Delia, tal-Lovinmalta jridu jibqgħu jitfgħu t-tajn kontra tiegħu.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook kiteb li l-Erbgħa filgħodu kellu l-ewwel seduta l-Qorti fil-libell li fetaħ kontra l-ġurnalist Julian Bonnici u l-Lovin Malta, iżda dawn ma telgħux quddiem il-Qorti.
L-eks Kap Nazzjonalista spjega li jidher li tal-Lovinmalta għadhom ma ġewx formalment notifikati bil-kawża però jafu li hemm il-kawża.
Delia qal li dan ifisser li għalkemm jafu li riedu jitilgħu biex jiddefendu l-allegazzjonijiet tagħhom fil-konfront tiegħu, qegħdin jilagħbu għall-ħin.
“Ma marrux jiġbru l-posta reġistrata biex ma jiġux il-Qorti. Biex flok toħrog il-verità jibqgħu jitfgħu t-tajn. Dik serjetà!” qal Adrian Delia f’kumment li jkompli juri fid-deher għaliex il-ħatra ta’ Peregin ħolqot ċertu skumdità fil-Partit Nazzjonalista.
Dan għax Peregin kien wieħed mill-iktar li uża l-għodda tiegħu biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u minfloku jitpoġġa Bernard Grech.
Delia qed jiċħad l-allegazzjonijiet li fuqhom infetaħ libell wara rapport tal-Lovinmalta.
Skont ir-rapport tas-sit li fetaħ Peregin, Delia kien f’kuntatt dirett ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.