Adrian Delia reġa rħielha jbeżża bil-babaw u jgħid li m’hawnx direzzjoni għall-ekonomija.
F’intervista oħra fuq l-istazzjon tiegħu l-Ħadd filgħodu, Delia kompla fejn ħalla s-Sibt meta qal li pajjiżna se jgħaddi mid-diffikultajiet.
“Ħarsa li għandu lejn l-ekonomija direzzjoni ta’ xejn”
Kompla wkoll bl-attakki kontra l-Gvern u akkuża b’nuqqas ta’ trasparenza.
“Il-Gvern mhux qed ikun trasparenti u mhux qed jgħid il-verità”
Dan minkejja li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern nieda għexieren ta’ skemi differenti kemm għan-negozji milquta mir-restrizzjonijiet li ddaħħlu kif ukoll skemi għal dawk li kienu qed jaħdmu u waqfilhom xogħlhom f’investiment ta’ 93 miljun ewro.
Dawn l-iskemi li tfaħħru ferm minn aġenziji internazjonali ta kreditu, kienu rikonxxuti wkoll bħala l-ikbar injezzjoni fl-ekonomija fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.
Iżda b’mod surreali Delia qal li l-Gvern mhux qed jgħid kif salva l-impjiegi.
“Il-Gvern jgħid diskors bħal ‘salvajna mitt elf impjieg’. Jiġifieri hu salvahom dal-mitt elf impjieg u mhux qed jgħid kif”
Bit-ton negattiv u distruttiv, Delia qal ukoll li l-Gvern ma jafx kif se jixpruna l-ekonomija.
“Skiet s’issa assolut mill-Ministru tal-ekonomija, tal-finanzi u l-Prim Ministru nnifsu”
Iżda l-Ħadd filgħodu stess l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li t-Tnejn 8 ta’ Ġunju se jitressaq baġit multi miljunarju li flok jieħu mingħand in-nies, se jippremja lil dawk lesti li jinvestu.
Intant Delia kompla jkun negattiv.
“Għandna problema. Again nibda bi preokkupazzjoni”
F’nofsiegħa ta’ intervista negattiv, Delia naqas milli jagħmel l-iċken referenza għall-konklużjonijiet ċari tal-inkjesta indipendenti dwar il-Prim Ministru u l-armata.
Inkjesta li segwiet denunzja li għamel il-kelliem tiegħu stess għall-ġustizzja Jason Azzopardi li akkuża l-Prim Ministru, il-Brigadier u s-suldati bi qtil volontarju ta’ immigranti. Liema akkuża ġġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.
Din l-inkjesta ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi u li dawn l-istess allegazzjonijiet ma kinux msejsa fuq xi provi.
Allegazzjonijiet li Delia kien għamel tiegħu meta rrepetihom u ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi li fetaħ il-kwerela.