Fil-każin Nazzjonalista tas-Swieqi l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ attakk bla rażan kontra l-ġudikanti.
F’attakk aħrax lil ġustizzja Delia spiċċa jgħid kliem iebes fil-konfront ta’ dawk li jħarsu l-liġi b’mod indipendenti.
“Qed iwassal biex ikun hemm ġudikanti illi jagħmlu mhux il-ġustizzja imma r-rieda tal-Gvern,” qal Delia.
Jekk xejn fis-Swieqi, il-Kap Nazzjonalista kkonferma li jrid jogħġob lil fazzjoni ta’ Busuttil li wasslet biex kważi teqirdu u tneħħih minn Kap.
Filfatt Delia uża l-istess lingwaġġ ta’ qablu u kompla jattakka lil kull min jiġi f’ilsienu.
Attakka lill-Avukat Ġenerali, lill-Armata u lill-pulizija u fuq kollox attakka lin-nies inġenerali.
“Minflok qed jinxtraw in-nies,” qal il-Kap Nazzjonalista.
F’diskors ta’ kwarta, Delia ma għamilx proposta waħda għal dak li jixtieq jara fil-pajjiż u minflok kompla jkun negattiv u jattakka lil ġustizzja f’mument fejn għadu kemm deher il-Qorti f’kawża kontra l-Avukat Ġenerali.
Dan id-diskors bosta qisuh li huwa tentattiv tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jipprova jikkundizzjona lill-ġustizzja wara li propju din il-ġimgħa l-Qorti semgħet l-aħħar trattazzjonijiet tal-partijiet quddiemha u issa jmiss li tinqata’ l-kawża.