Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-possibiltà li tissejjaħ elezzjoni oħra għall-Kap hija t-tielet darba taħt it-tmexxija tiegħu bħala Kap tal-Partit.
Delia qal dan f’intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista mifnija b’botti ċari lejn il-fazzjoni li akkost ta’ kollox ma tridux imexxi l-Partit Nazzjonalista.
Delia aċċenna għall-isforzi kontinwi tul l-aħħar 3 snin biex iqaċtulu rasu minn Kap.
Sforzi li wasslu sabiex kull sajf jissottometti lilu nnifsu quddiem il-Kunsilliera jew it-tesserati.
F’intervista ta’ aktar minn nofs siegħa Adrian Delia ma waqafx jattakka lil dawk li fl-aħħar ġimgħat sfiduċjawh.
F’botta ċara lejn dawk ta’ kontrih qal li jitlef biss min jilgħab biex jirbaħ. Ftaħar ukoll li hu jagħti leħen lit-tesserati veru u mhux bħal min jagħmel hekk bil-leħen jew bil-kitba biss. Huwa kompla jisfida lill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil u qal li jiġri x’jiġri hu se jibqa’ fil-Partit Nazzjonalista.
Intant f’ġurnata fejn fiha aġenzija tal-kreditu oħra internazzjoni, d-DBRS ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala wieħed A High, Adrian Delia b’mod surreali qal li l-ekonomija ta’ pajjiż sejra lura. Fl-isfond tal-kriżi politika li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia sab il-ħin ukoll li jitkellem fuq l-innu tal-Partit u kif ikantah.