Wara ġimgħat jgħid mod ieħor, issa d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia ammetta li Steward tħallset tas-servizz.
Iffaċċjat bil-fatti mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fil-programm televiżiv ‘Popolin’ fuq ix-xandir nazzjonali, id-Deputat tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ammetta dak li ilu jipprova jevita x-xhur.
Delia qal, “Is-servizz kien qed jingħata qabel, baqa’ jingħata u għadu jingħata”.
Żied jgħid, “Is-servizz li kien diġà hemm qabel baqa’ jingħata, baqa’ jingħata ta’ qabel iva direttament. Is-servizz li kien hemm qabel eżatt bl-istess nies, b’kollox baqa’ jingħata”.
Jonathan Attard: “Mela kif qed tgħid ma kellniex inħallsuhom?”
Kien il-Ministru Jonathan Attard li spjega kif hu qerq meta, fil-kampanji tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-pajjiż ma ħa xejn tal-flus imħallsa.
B’dawn il-flus ingħataw is-servizz lil għexieren ta’ eluf ta’ pazjenti fl-isptarijiet ta’ Għawdex u Karin Grech, u fl-OPU fl-Isptar San Luqa.
Dan filwaqt li, fl-istess ħin, spjega fejn il-Gvern qed ifittex lil Steward f’ċentru ta’ arbitraġġ internazzjonali. U dan sa minn qabel is-sentenza tal-appell tal-ġimgħa li għaddiet.
Stqarr, “Bħala Gvern ma qagħadniex lura milli nieħdu l-passi immedjati fejn għamilna controlled step-in tal-operat tal-isptarijiet u ħadna f’idejna l-operat tal-isptarijiet. U simultanjament, b’mod parallel, hemm l-arbitraġġ internazzjonali fuq din is-sitwazzjoni fejn aħna bħala Gvern qed niddefendu l-interessi ta’ pajjiżna”.
Fl-aħħar jiem kien ikkonfermat ukoll li l-ħlas biex jitħaddmu l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex baqa’ l-istess minn meta l-Gvern ħa dawn l-entitajiet f’idejh. Kontinwament Delia pprova jevita dan l-argument.
Fil-programm ‘Popolin’, iżda, ġiet innotata wkoll il-pressjoni fuq l-istituzzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista u t-theddid lejhom. Bil-Ministru Attard jgħid li din hi pressjoni selettiva.
Qal, “Taf x’ma ħax sentenza, l-Onorevoli Delia? Sentenza ċivili wkoll, is-sentenza li kixfet kif fix-xiri tal-BWSC, tal-powerstation skandaluż. Kien hemm kummissjonijiet mhux spjegabbli. Ħadthomlu lill-Kummissarju tal-Pulizija? Tridx nagħtik kopja ħa teħodhielu?”