Bl-aġir tiegħu u l-passi li ħa, Adrian Delia għamel tiegħu l-Frame Up Egrant iktar minn qatt qabel.
Qalu dan f’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputati Edward Zammit Lewis, Robert Abela u Stefan Zrinzo Azzopardi ftit sigħat wara li ttieħdet id-deċiżjoni mill-qorti b’rabta mal-frame up Egrant. Fis-sentenza tagħha l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet it-talbiet kollha tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’kawża fejn talab li tkun ippubblikata b’mod sħiħ l-inkjesta dwar Egrant li minnha rriżulta li din kienet gidba u frame up.
Id-Deputat Edward Zammit Lewis saħaq kif “illum hija konferma oħra li Adrian Delia għamel tiegħu dan il-frame up….Illum Adrian Delia qed jgħabbi lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista b’din ir-responsabilta’ għaliex kien hu li skatta din il-kawża wara li l-Prim Ministru pubblikament kien qal li l-pożizzjoni politika tiegħu hu li jippublika, Adrian Delia daħal f’dan l-isqaq legali u llum il-Qorti ċaħdet bl-aktar mod ċar it-talbiet tiegħu.”
Id-Deputat Robert Abela sostna kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien inkonsistenti u kkuntrasta bil-kbir “il-pożizzjonijiet li ħa f’Lulju tal-2018 u l-pożizzjonijiet li qed jieħu llum u minjaf x’pożizzjonijiet oħra għad jieħu għada pitgħada. Jien illum kburi ħafna li għandna saltna tad-dritt li qed taħdem b’mod robust, li għandna istituzzjonijiet li qegħdin jaħdmu b’mod seren. Qed jagħmlu l-eżerċizzju bażiku li jagħmlu l-istituzzjonijiet f’demokrazija. Jiskrutinizzaw lil xulxin. U llum għandna eżerċizzju, magħluq b’sentenza tal-qorti fejn il-qorti skrutinat l-operat tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tad-deċiżjoni li kien ħa l-Avukat Ġenerali.”
Id-Deputat Stefan Zrinzo Azzopardi fisser kif wara li ħarġu l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant, “kien għamel stqarrija pubblika fejn kien qal li l-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni kien għamel tiegħu l-Egrant u li l-Kap ta’ qablu, il-predeċessur tiegħu, Simon Busuttil kellu jerfa’ r-responsabbilta’ u allura kien qallu biex jirreżenja mill-grupp Parlamentari…Illum quddiemna għandna sitwazzjoni fejn ingħatat din is-sentenza, fejn qegħdin naraw kif għandna sitwazzjoni ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li prova juża proċeduri quddiem il-qrati għal skopijiet politiċi tiegħu.”
Il-kelliema saħqu li din hi ċirkostanza oħra fejn tkompli titnaqqar il-kredibbiltà tal-Kap tal-Oppożizzjoni.