F’ġimgħa oħra kkaraterizzata minn inkwiet intern għall-Partit Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ ikkonferma l-qasma fil-partit, riżultat tal-inkompetenza tiegħu li f’sena u seba’ xhur baqa’ ma kienx kapaċi jmexxi u jgħaqqad partit.
Fil-kazin Nazzjonalista tas-Siġġiewi, tkarrab sabiex il-Partit Nazzjonalista jitkellem b’leħen wieħed, dan f’mument fejn il-fazzjoni ta’ Delia ma jarawx għajn m’għajn u ma jikkoperawx mal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Adrian Delia qal dan tlett ijiem wara li fil-Parlament id-deputat nazzjonalista Ivan Bartolo mar il-Parlament u kkritika l-mod kif qiegħed jitmexxa l-Partit Nazzjonalista. Qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab fi stat imkisser u imexxi minn Kap b’imġieba mhux aċċetabbli. B’Adrian Delia qiegħed jiffaċja allegazzjoni li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey mill-prostituzzjoni.
La f’sena u sebgħa xhur Adrian Delia ma kienx kapaċi jieħu l-kontroll tal-Partit Nazzjonalista f’idejh, sitt ġimgħat ‘il bogħod minn appuntament elettorali appella sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad.
Adrian Delia ma lissinx kelma waħda dwar il-pressjoni li qiegħda taffaċċja d-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono sabiex tirrizenja, minħabba li marret tiltaqgħa, bil-moħbi tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ma persuna li kienet attakkata mill-Partit Nazzjonalista u talbitu kamra b’xejn għal attività politika.
L-attività politika Kienet indirizzata wkoll minn David Casa li rringrazzja lill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech talli ħadmu flimkien. Ħidma kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej, u fi kliem David Casa wettquha bi kburija. David Casa, li bis-saħħa jrid jerġa’ jiġi elett, sabiex ikompli jiġġieled bis-saħħa kontra Malta.
Adrian Delia għal darb’oħra kkritika ħidmet il-gvern u ma ppropona xejn. F’diskors mill-aktar partiġjan qal lill-Partitarji Nazzjonalisti sabiex imorru jivvutaw u juru lil gvern li l-Maltin ta’ vera huma dawk li se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Fis-stqarrija l-Partit Laburista qal li d-diskors ta’ Adrian Delia l-Ħadd filgħodu huwa riflessjoni ta’ kap ta’ Partit, li jinsab mifrud u li jrid jipprova jgħaqqdu billi jkun negattiv u jikkritika kull ma jiġri f’pajjiżna.
Iżda, kif wara kollox qallu wieħed mid-deputati tiegħu, b’din l-attitudni l-Partit Nazzjonalista “borġ ġebel” kien u “borg ġebel” għadu. Il-Partit Laburista qal li b’kuntrast, il-pajjiż qed jibqa’ jissaħħaħ. U minkejja l-oppożizzjoni distruttiva, il-Maltin u l-Għawdxin, flimkien mal-gvern, se jibqgħu jiksbu r-riżultati biex Malta ta’ Għada tkun Suċċess.