Fi stqarrija l-Partit Laburista qali li dakinhar li nħatret l-inkjesta pubblika Adrian Delia kellu siegħa diskors u ma qal xejn. L-għada fuq ir-radju kien kawt għax hu stess jaf kemm huma nies integri n-nies nominati biex ipoġġu fuq din il-linkjesta.
Fil-fatt, fl-ebda ħin ma kien iddubita l-integrità tagħhom. Iżda, eventwalment spiċċa kellu jċedi għall-pressjoni ta’ dawk fil-Partit Nazzjonalista li jattakkaw lil kulħadd basta jkomplu bil-kampanja tagħhom kontra Malta barra minn xtutna. Fosthom id-deputat Jason Azzopardi.
Il-fatt li l-poplu Malti ċaħadhom għal darb wara oħra iridu jpattuh billi jipprovaw ibiegħu l-gideb biex jipprovaw ikissru r-reputazzjoni barra minn xtutna.
Il-Partit Laburista tenna li mir-rappreżentanti tiegħu barra minn pajjiżna, bħalma hu Azzopardi fil-Kunsill tal-Ewropa, il-poplu jippretendi li jiffaċjaw bil-fatti lil min jagħmel dikjarazzjonijiet mimlijin ineżatezzi dwar Malta. Kif ukoll, jekk tassew jemmnu fis-saltna tad-dritt, jitolbu wkoll spjegazzjoni u azzjoni wkoll f’dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra.
Iżda, sal-lum kulħadd intebaħ l-għanijiet tal-fazzjoni li qed iċedi għaliha Adrian Delia x’inhuma, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.