Permezz ta’ vot l-Erbgħa filgħaxija, ħin ta’ Malta, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda adotta r-riżoluzzjoni li tressqet minn pajjiżna kmieni fil-ġurnata b’enfażi biex jiġu protetti l-innoċenti, partikolarment it-tfal, li huma involuti fil-konflitt fil-Lvant Nofsani.
Fil-fatt din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’vot b’saħħtu ferm hekk kif kienu tnax mill-ħmistax-il membru ta’ dan il-Kunsill li vvotaw favuriha, waqt li t-tlieta l-oħrajn astjenew.
Stqarrija mill-Gvern Malti ddeskriviet il-vot bħala pass importanti fid-direzzjoni t-tajba hekk kif pajjiżna se jkompli jaħdem b’mod attiv dwar il-konflitt fil-Lvant Nofsani bil-għan li jissalvagwardja l-ħajjiet taċ-ċivili.
Ir-riżoluzzjoni, imfassla mill-Missjoni Permanenti Maltija għall-Ġnus Magħquda, talbet għal għajnuna urġenti u kurituri estiżi umanitarji fil-Medda ta’ Gaza, flimkien mal-ħelsien immedjat ta’ ostaġġi tfal mill-Hamas.
Waqt li wasslu din l-aħbar fuq il-midja soċjali rispettivi tagħhom, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, qalu li l-impenn Malti kien iggwidat mill-ħtieġa li jkun hemm riżoluzzjoni umanitarja, bħala parti mid-determinazzjoni ta’ pajjiżna li jibqa’ jaħdem favur il-paċi.
Il-Ministru Borg irringrazzja lil Vanessa Frazier, Rappreżentanta Permanenti għal Malta fil-ĠM, u l-istaff tagħha fi New York.
Bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-ĠM, Malta ressqet din ir-riżoluzzjoni l-Erbgħa fejn ġew irriaffermati l-prinċipji u l-għanijiet tal-organizzazzjoni internazzjonali u li l-partijiet kollha fil-konflitt, li beda aktar minn xahar ilu, jirrispettaw l-obbligi tagħhom kif stabbiliti mil-liġijiet internazzjonali.
Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li l-liġi umanitarja internazzjonali tipprovdi l-protezzjoni ġenerali għat-tfal, meqjusin bħala li ma jieħdu sehem fl-ebda ostilitajiet, u għaldaqstant għandhom dritt għal protezzjoni speċjali bħala vulnerabbli.
Ir-riżoluzzjoni wriet it-tħassib serju għall-fatt li l-kriżi umanitarja fil-Medda ta’ Gaza qed tħalli effetti sproporzjonati fuq it-tfal, waqt li rriġettat iċ-ċaqliq sforzat ta’ persuni ċivili, inkluż tfal.