Il-Parlament Ewropew adotta rapport importanti li tiegħu l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar kienet in-negozjatriċi f’isem l-S&D. Dan ir-rapport se jassigura aktar ugwaljanza bejn is-sessi. Il-vot fil-plenarja seħħ wara li r-rapport dwar l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-politika ta’ koeżjoni għadda b’suċċess mill-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali.
Fi stqarrija l-Ewroparlamentari Josianne Cutajar qalet li dan ir-rapport jibgħat messaġġ b’saħħtu li n-nisa ma jistgħux jitħallew jaqgħu lura fis-soċjetà u għaldaqstant għandu jkun hemm rabta biex tkun assigurata l-ugwaljanza meta pajjiżi membri jiġu biex jużaw fondi ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Hija sostniet: “Irridu naraw li dan ir-rapport iwassal sabiex ikun hemm il-promozzjoni ta’ aktar ugwaljanza li sussegwentament se tkun qed tfisser titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nisa madwar l-Ewropa kollha.”
Dr Cutajar spjegat kif huwa importanti li permezz tal-fondi ta’ koeżjoni, għandhom jiġu miġġielda pjagi soċjali bħall-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u anke jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja ta’ kuljum.
Ir-rapport jinkludi wkoll referenza qawwija sabiex tkun ukoll miġġielda d-diskriminazzjoni fuq il-komunità LGBTI.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar saħqet li dan huwa rapport li jippromowovi l-ugwaljanza, l-inklużjoni, il-ġustizzja soċjali u r-rispett. Hija temmet tgħid li d-dmir ta’ Membri Parlamentari Ewropej bħalha, issa huwa li jkomplu jimbuttaw sabiex mill-kliem u r-rapporti jkollna aktar ugwaljanza bil-fatti, filwaqt li tenniet li se tkompli taħdem f’dan il-qasam.