• CHRIS CARDONA: “Mhux se jagħmlu jum wieħed mingħajr impjieg”
Il-kumpanija Actavis se tkun qed tnaqqas madwar mitejn ħaddiem fuq perjodu ta’ sena. Jirriżulta li din l-aħbar kienet ikkomunikata lill-ħaddiema fl-aħħar ħinijiet, bil-Gvern jireaġixxi b’mod immedjat f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri tal-Ekonomija u x-Xogħol, fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja tal-Malta Enteprise u JOBS+.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, fisser kif il-kumpanija ħabbret li se jkun hemm konsolidazzjoni fil-mod kif taħdem wara li Teva akkwistat il-kumpanija. Dan il-proċess jinkludi 30 impjant madwar l-Ewropa.
“Nifhmu li din se tkun aħbar kiefra għal ħaddiema u l-familji tagħhom ftit ġranet qabel il-Milied. Kien għalhekk li b’responsabbiltà sejjaħna din il-konferenza tal-aħbarijiet biex nassiguraw li se jkunu offruti impjieg alternattiv,” qal il-Ministru tal-Ekonomija.
Il-Ministru fisser li l-ħaddiema se jitnaqqsu fuq perjodu ta’ sena, iżda il-Ministru Cardona saħaq li l-Gvern mhux se jistenna sena. “Għamilniha ċara u mhux se ndumu daqshekk. Ħtarna task force ilbieraħ,” qal Cardona li sostna li dawn il-ħaddiema “mhux se jagħmlu ġurnata waħda mingħajr impjieg.”
Din l-aħbar kienet ikkomunikata f’ġimgħa fejn sar magħruf li l-kumpanija De La Rue, li s-sena li għaddiet ukoll ħabret li se tnaqqas il-ħaddiema, bidlet id-deċiżjoni u se żżomm kollox f’Malta.
Tant li se żżid il-ħaddiema mhux tnaqqas. “Hija ironika,” qal Cardona li sostna kif fl-industrija dejjem għandek l-‘ups and downs’.
“F’mumenti bħal dawn napprezzaw l-istat tajjeb li għandna fil-pajjiż,” qal Cardona li fisser kif għax hemm ekonomija b’saħħitha dawn il-ħaddiema se jkollhom opportunitajiet.
Il-Ministru għax-Xogħol qal li huwa għal kollox diżappuntat bil-mod “insensittiv” kif il-kumpanija aġixxiet ma’ dawn il-ħaddiema. “Ma kellhomx ikunu trattati bħala ‘factors of production’ iżda nies tad-demm u l-laħam. U għalhekk issa għandna responsabbiltà kbira li ngħinu biex isibu impjieg alternattiv,” qal Bartolo li kkonferma l-kuntatti ma’ kumpaniji oħra fis-settur li lesti jassorbu l-ħaddiema.
Clyde Caruana qal li x-xogħol mhux għad irid jiġi imma l-postijiet tax-xogħol diġa’ qiegħed hemm u appella l-ħaddiema biex jikkuntatjaw il-JOBS+ biex jibda l-proċess.