Bħala parti minn sensiela ta’ attivitajiet biex jikkomemoraw il-25 sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja tan-Naxxar, ser isir kunċert fil-pjazza tal-istess belt. Il-kunċert “Acoustics for puttinu” ser isir biex jinġabru donazzjonijiet għal-Puttinu Cares, li għaliha l-istess kummissjoni għamlet diversi attivitajiet matul dawn l-aħħar snin sabiex tgħinhom.
Waqt dan il-kunċert, li d-dħul tiegħu huwa b’xejn, se jkun hemm il-kantanta Petra flimkien mal-gitarrista Lulu bħala warm-up band biex wara, il-band rinomata Red Electric tagħti kunċert bħala l-headliners ta’ dan l-istess avveniment. Kif jixhed l-isem, l-artisti ħa jkunu kollha qegħdin idoqqu b’mod live u akustiku.
Il-kunċert ser jittella’ nhar it-Tlieta, 8 ta’ Awwissu u jibda fit-8.30pm.
Qabel din l-attività, proprju ftit minuti qabel għal ħabta tat-8.00pm, ser issir inawgurazzjoni t’ sett pavaljuni tad-dawl ġodda li ser ikunu qed jixgħelu l-eqdem u waħda mill-isbaħ toroq f’pajjiżna, dik ta’ Triq Santa Luċija. Dawn il-pavaljuni saru fuq disinn ta’ Anthony Muscat u maħduma b’mod volontarju mill-istess Kummissjoni Żgħażagħ. Dan il-proġett sar grazzi għall-iskema “Finanzjament Artistiku għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali”.