Fl-2019, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda ddikjarat it-22 ta’ Awwissu bħala l-Jum Internazzjonali tal-Vittmi ta’ Atti ta’ Vjolenza kkawżata minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom. Għal dawn l-aħħar ħames snin, il-fondazzjoni internazzjonali Aid to the Church in Need, l-ACN, fakkret dan il-jum permezz tat-23 fergħa li għandha mxerrdin mad-dinja, inkluż f’Malta.
L-għaqda ssostni li l-mibegħda kontra gruppi reliġjużi toħloq vjolenza u qerda u jeħtieġ li tiġi miċħuda u kkontrollata mill-gvernijiet, filwaqt li l-vittmi jsibu kull protezzjoni, waqt li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Id-direttur tal-fergħa Maltija tal-ACN, Stephen Axisa, irrakkonta ma’ ONE News esperjenza xokkanti ta’ persuna li stqarret fidi differenti mit-twemmin ta’ grupp terroristiku fin-Niġerja.
“Kellna Niġerjan li ġibnih hawn Malta jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu. Meta mar lura ftit xhur wara, ġie maħtuf u maqtul. Dik kienet esperjenza kerha, int tiltaqa’ mal-persuna, persuna tad-demm u l-laħam, bħali u bħalek. Dan sintendi narawh jiġri kuljum. Imma, meta tkun qed tiġri daqshekk qrib tiegħek, ma tippretendix li ssir, hekk realtà.”
Bħalissa, l-ACN (Malta) qed titlob lill-benefatturi biex jappoġġjaw proġetti siewja u tant meħtieġa li jgħinu lil dawn il-vittmi jibqgħu f’pajjiżhom stess, billi tipprovdilhom ikel, mediċini, kura medika u dik psikoloġika, flimkien ma’ għodda u makkinarju ħafif.
Dan jgħin biex, wara li jkunu tilfu kollox, jibdew jaqilgħu l-għajxien tagħhom huma stess.
Axisa kompla jgħidilna kif il-Maltin jistgħu jkunu ta’ għajnuna b’mod dirett ma’ dawn il-vittmi, li qed ibatu minħabba vjolenza mwettqa fuqhom, għax jesprimu twemminhom.
“Aħna minn żmien għall-ieħor noħorġu appelli fuq diversi proġetti li nkunu għaddejjin bihom, fosthom għadna kif ħriġna wieħed fuq il-Libanu fejn qed ngħinu hemmhekk lil 192 skola biex il-ġenituri jkunu jistgħu jibgħatu t-tfal tagħhom l-iskola. Insostnuhom permezz ta’ fondi li jkunu jistgħu jagħtuhom kemm lunch għal waqt il-brejk, uniformi kif ukoll kotba li jkunu jistgħu jistudjaw fuqhom.’
Il-pubbliku Malti jista jgħin billi jċempel fuq in-numri tat-telefown 21487818 jew 79999969, billi jibgħat imejl fuq info@acnmalta.org jew anke jidħol dirett fuq is-sit uffiċjali acnmalta.org.