Fl-istess xahar li l-Partit Nazzjonalista inkixef li kien ħa flus m’għand il-grupp DB biex iħallas il-pagi, id-Deputat Jason Azzopardi aċċetta rigal mingħand il-grupp ta’ Yorgen Fenech u tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv.
Fil-fatt, f’Marzu tal-elfejn u sbatax, fl-istess żmien li l-Partit Nazzjonalista kien qed jikkampanja bil-pretenzjoni tal-governanza tajba, Jason Azzopardi ħass li ma fiha xejn ħażin li jitlob imprenditur lokali għal kamra ta’ lukanda f’Tel Aviv.
Dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil kien qed jiġi kritikat għax kien ħa flus mill-grupp DB.
Fl-istess xahar li qamet il-kontroversja tad-DB, il-grupp Tumas kien ħallas għal numru ta’ ljieli fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv waqt li Azzopardi attenda għal tieġ ta’ tifel ta’ rabbi ħabib tiegħu.
Dwar dan tkellmet ukoll l-eks mara ta’ Jason Azzopardi fejn stqarret li għal din iż-żjara Azzopardi għażel li jmur waħdu għax skont hu ried iqatta’ numru ta’ ljieli fuq il-qabar ta’ Kristu.
Jirriżulta li lil martu kien gidbilha għaliex minflok mar waħdu, mar mas-sieħba tiegħu preżenti, Flavia Borg Bonaci.
Jason Azzopardi lanqas ma niżżel dan ir-rigal fid-dikjarazzjoni tal-assi għall-2017. Fil-fatt fid-dikjarazzjoni li ddaħħlet minn Azzopardi fit-30 ta’ April tal-2018, f’sezzjoni E ta’ din id-dikjarazzjoni fejn hemm miktub dwar safar li jkun mħallas minn kumpanija privata Azzopardi kiteb biss il-kliem mhux applikabbli.
Dwar dan il-każ Azzopardi pprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel u talab investigazzjoni mingħand il-Kummissarju tal-Istandards fil-ħajja pubblika, anki meta kien jaf li t-talba li ma setgħetx tiġi milqugħa għax il-Kummissarju tal-Istandards fil-ħajja pubblika kien prekluż bil-liġi. Hawnhekk il-Kummissarju Hyzler qatalu l-għatx bil-perżut meta qallu li t-talba li għamel kienet superfluwa u widdeb lil Azzopardi biex ma jużax dan l-uffiċċju għal skopijiet ta’ pubbliċità personali.