B’investiment ta’ żewġ miljun ewro qed tinbena mill-ġdid Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem.
Din it-triq arterjali fil-gżira tat-Tliet Għoljiet tgħaqqad il-Port tal-Imġarr, flimkien ma’ Triq iż-Żewwieqa l-Qala u ma’ Triq il-Ħamri f’Għajnsielem.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif sebgħin fil-mija tax-xogħlijiet f’din it-triq tlestew. Dan hekk kif tlestiet ir-riskostruzzjoni tal-ewwel parti ta’ din it-triq u ngħata l-ewwel saff ta’ asfalt.
Il-Ministru għal Għawdex qal kif din it-triq li fiha madwar tmien mitt metru mistennija tkun lesta fi żmien xahrejn.
Qal kif din it-triq qed tinbena mill-ġdid, filwaqt li s-servizzi kellhom isiru mill-ġdid peress li din it-triq tifforma parti mill-arterji ta’ ħafna servizzi f’Għawdex.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Fost servizzi oħra bdilna s-servizzi tad-dranaġġ, tal-ilma, tad-dawl kif ukoll servizzi tat-telekomunikazzjoni. Però apparti minn hekk ukoll, is-servizzi anzi l-connections tad-dwal li hemm preżentament mal-faċċati tad-djar, dawn se jkunu wkoll se jkunu qed jgħaddu wkoll minn taħt l-art kif ukoll insebħu l-ambjent, l-ambjent urban ta’ din iż-żona.”