Iż-żona ta’ St. Peter’s Pool limiti ta’ Marsaxlokk sarilha rinovar fl-aċċess għal meta wieħed jidħol fiha permezz ta’ dgħajsa.
Din iż-żona ta’ kuljum tara mijiet ta’ turisti li jagħżlu li jqattgħu il-ġurnata jgawdu l-baħar kaħlani u ċar li kapaċi toffri, bil-maġġoranza tagħhom jagħżlu li jaslu permezz ta’ dgħajsa minn xatt is-sajjieda f’Marsaxlokk.
Sa issa l-aċċess għal din iż-żona kien wieħed perikoluż li seta jwassal biex faċilment xi turist li jkun nieżel minn fuq id-dgħajsa jsofri xi ġrieħi.
Iżda fi kliem wieħed mis-sidien tad-dgħajjes li ta’ kuljum joffri l-vjaġġi lejn St. Peters Pool, dan il-proġett hu essenzjali biex tkun imħarsa s-sigurtà tat-turisti.D’Amato spjega li “Dan il-proġett insibuh ta’ għajnuna ħafna għalina għax meta niġu bit-turisti hawn ikollhom fejn jinżlu b’mod sigur.”
Dwar dan, is-Sur Emren Vella, id-Direttur tal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi, stqarr magħna li kien wasal iż-żmien li jpoġġu madwar mejda mal-entitajiet konċernati biex isibu soluzzjoni li tevita l-perikli u toffri servizz ta’ kwalità.
Vella qal li “Dawn l-aħħar jiem kellmitna l-entita konċernata għall fatt li kellhom ir-riservi tagħhom fuq l-nżul tat-turisti mid-dgħajsa għal fuq il-blat. Aħna bħala fondazzjoni taż-żoni turistiċi poġġejna bilqiegħda ma’ transport malta biex flimkien nsibu soluzzjoni. Biex issa l-operaturi tad-dgħajjes se jibqaw joperaw b’mod regolari filwaqt li t-turisti jew kull min se jagħmel użu minnha se jkun qed isib prodott ferm aħjar.”