Ħidma interministerjali flimkien mal-Aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta se tara li jsiru l-interventi li hemm bżonn fil-bini ta’ Dar il-Kaptan fl-Imtarfa. Din l-għaqda volontarja toffri għajnuna u diversi faċilitajiet lil persuni b’diżabilità.
F’Mejju li għadda l-Gvern daħal fi ftehim soċjali mal-għaqda biex b’investiment ta’ aktar minn erba’ miljun ewro jissaħħaħ is-servizz tar-respite offrut fid-dar, biex ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità wkoll jieħdu l-mistrieħ li għandhom bżonn. Din il-ħidma kolha mistennija tolqot mal-mitejn familja.
Ix-xogħol infrastrutturali li se jsiru f’dan is-sit se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi minħabba ż-żieda fl-aċċessibilità u xogħol ieħor li mistenni jsir.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli saħqet dwar l-importanza ta’ infrastruttura ekwa fil-ħajja ta’ kuljum, li hija l-mira ta’ dan il-proġett għal familji li jżuru l-post.
Qalet, “Kwalità tal-ħajja hija ukoll infrastruttura li tkun fil-madwar tal-binja fejn qed tintuża minn mdwar mitejn familja. Mitejn familja li għandhom persuni b’diżabilità illi jattendu Dar il-Kaptan.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg aċċenna li huwa d-dmir tal-Gvern biex jassisti għaqdiet volontarji.
Qal, “Qed naraw kif intejbu anki infrastruttura fejn għandhom x’jaqsmu faċilitajiet illi jagħmlu u jaqdu responsabbiltajiet soċjali. Huwa ta’ pajċir tagħna, anke permezz ta’ Infrastructure Malta u entitajiet oħra illi nassistu u għaldaqstant ser inkomplu naħsdmu id f’id fuq proġetti li hemm fil-futur.”