Min jibda jagħżaq fil-ħama, aktar jegħreq fil-ħama. Jien ma ninkwetax ruħi li avukati bħal Karol Aquilina jippruvaw ikomplu jagħżqu fuq il-ħama, għax ikunu huma li aktar jgħoddsu fiha.
Kif tista’ tistenna li nies li waqgħu waħda għaż-żufjett, quddiem il-poplu kollu, tant li Dr Adrian Delia stqarr li l-PN tilef kull kredibilità, ma jippruvawx minn kollox. Karol Aquilina m’għandux kredibilità aktar minn ħaddieħor.
Issa se jitilqu fuq it-teorija li tinfetaħ inkjesta oħra ! Hawn jidher il-qerq u n-nuqqas ta’ kredibiltà. Ifisser li jridu maġistrat ieħor biex jeżamina l-fatti. Mela addio dik il-fiduċja kollha f’Dr Aaron Bugeja. Tinsewx li Simon Busuttil kien għamel talba oħra għall-inkjesta quddiem l-istess maġistrat, u qallu li jista’ jkompli jekk irid, imma jrid imur quddiem maħistrat ieħor.
Issa legalment ma tistax tinfetaħ inkjesta oħra gdida. Kieku ma kienx laħaq għamel ir-rapport, u l-maġistrat sar imħallef, allura kien iħalli l-inkjesta warajh u jidħol maġistrat ieħor u jkompli l-inkjesta. Imma mhux għax ikun hemm Manwel Delia, li fil-post li qiegħed wieħed forsi jkun ittentat li jgħid li għandu l-ispirazzjoni mis-smewwiet, u jgħid li l-inkjesta għandha ssir mill-ġdid.
U din l-ispirazzjoni tista’ tkun ukoll għand Karol Aquilina. Kollox hu possibbli. Daqs kemm kien possibbli li Karol Aquilina, li waddab kandidatura fuq tas-Sliema, jitla’ minn tas-Sliema, minkejja li kien ilu jagħżaq fuq is-Siġġiewi. Kollox hu possibli.
Karol Aquilina, Simon, Manwel Delia u bosta bosta oħrajn aktar ma jaqbżu fuq il-ħama aktar jinżlu fiha.
U r-riħa ta’ drenaġġ verament qed tikber.