Kompliet il-kumpilazzjoni t’evidenza kontra Abner Aquilina, mixli bil-qtil u stupru ta’ Paulina Dembska, f’Tas-Sliema, f’Jannar tal-2022.
Eks priġunier, li kien fiċ-ċella ma’ Aquilina, xehed fil-Qorti kif fix-xahar li għamel maqful miegħu, ħassu ittormentat għall-aħħar.
Dan hekk kif Abner Aquilina kien jitkellem fid-dettal dwar kif qatel lil Dembska, minkejja li oriġinarjament kellu l-ħsieb li jweġġa’ jew saħansitra joqtol lill-eks tfajla tiegħu.
Ix-xhud qal li ma kienx felaħ jisma’ aktar lil Aquilina jiċċajta dwar dak li għamel lill-vittma Pollakka f’Tas-Sliema fil-bidu tas-sena li għaddiet.
Semma kif meta kien jidħol xi ħadd ġdid, Aquilina kien jerġa’ jirrakkonta mill-ġdid kif l-ewwel faga lil Dembska bil-faxex u stupraha wara Ii mietet.
Dan xehed kif, Aquilina qal li wara li kellu xi jgħid mat-tfajla, beda jaħseb kif se jweġġagħha, iżda beża’ li joqtlu missierha u kien għalhekk li tefa’ ħarstu fuq tfajla oħra, “tfajla oħra li kienet qed titma’ l-qtates f’Tas-Sliema”.
L-imputat kien spiss jirrakkonta li dawk li kienu għaddejjin miż-żona, fl-istess waqt li hu kien qed iwettaq l-istupru, ħasbuh li qed jagħmel il-pushups.
Aquilina tkellem ukoll dwar l-intenzjoni li kellu li joqtol lill-avukat tiegħu u anke lil ħuh.