L-Erbgħa waranofsinhar kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Abner Aquilina, mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska nhar it-2 ta’ Jannar tal-2022.
Fuq il-pedana tax-xhieda, it-tabib li inviżta lil Abner fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana, Dr Andrew Hall, qal li eżamina l-istat mentali tal-akkużat u rreferih għas-servizzi tas-saħħa mentali.
Huwa sostna li Aqulina beda jirrepeti l-istess kliem, u kull ma jmur kien qed isir aktar aġitat. Qal li l-imputat beda jevita d-domandi tat-tobba u jgħolli leħnu.
Skont Dr Hall, Aquilina qal li kien ra “mara liebsa l-abjad”.
Meta staqsieh dwar dan, Abner sikktu u qallu li ma setax ikellmu dwar dan.
Infermiera fl-istess ċentru tas-saħħa wkoll qalet li Aquilina kien aġitat, tant li meta riedet tnaddaflu jdejh mid-demm li kellu, huwa talabha tuża biss ilma bil-melħ u ħadilha l-bott biex jiċċekkjah.
It-tielet xhud, Dion Mario Fenech, kien fuq il-post tal-qtil u sab lill-vittma mixħuta mal-art.
Huwa xehed li kellha ż-żarbun maġenbha, daqqiet f wiċċha u l-jeans u l-qalziet ta’ taħt imneżżgħin minn fuqha.
Xehed ukoll Kuntistabbli mill-RIU, li flimkien mal-kollegi tiegħu, kienu l-ewwel nies fuq il-post.
Huwa qal li sab lill-vittma mal-art, għattiha b’liżar mill-karozza u mbagħad ikkontrolla z-zona.