Abner Aquilina hedded liċ-Charge Nurse għax ma ħadlux prostituti, filwaqt li ffastidja infermieri nisa.
Hekk xehdet il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monter Carmeli, Stephanie Xuereb, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Aquilina, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Paulina Dembska wara li stupraha fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema f’Jannar tas-sena li għaddiet.
Xuereb kienet qed twieġeb għal diversi mistoqsijiet mid-Difiża dwar ir-raġuni li għaliha l-akkużat ma tħalliex jibqa’ jieħu l-kura fl-Isptar Monte Carmeli u ntbagħat lura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar spjegat li dwar dan il-każ infetaħ rikors biex il-pazjent ma jibqgħux jieħdu l-kura f’Monte Carmeli.
Id-difiża staqsiet jekk hux minnhom li l-akkużat ma tħalliex jieħu l-kura f’Monte Carmeli minħabba l-akkużi miġjuba kontrih, u fakkret li kienet il-Qorti stess li ordnat biex Aquilina jieħu l-kura f’Monte Carmeli.
Fis-seduta xehdet ukoll is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci, li wieġbet mistoqsijiet rigward it-taqsimiet li fihom jinżammu l-priġunieri rġiel li jkollhom bżonn għajnuna psikjatrika.
Il-Profs Gauci għamlitha ċara li d-Dipartiment tas-Saħħa joħroġ biss il-liċenzji u ma jiddeċidix dwar kwistjonijiet interni, imma biss dwar jekk il-post huwiex tajjeb jew le biex fih ikun hemm priġunieri li jkollhom bżonn għajnuna psikjatrika.