Waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, l-allegat qattiel ta’ Rita Ellul, Laurence Abina, qal li qed iħoss rimors u jixtieq lil kulħadd jaħfirlu. Dan ħareġ waqt li kompla l-ġuri b’rabta mal-qtil tal-mara fi Frar tal-2022 f’appartament f’Għajnsielem, Għawdex, bl-eks sieħeb tagħha jiġi mixli bih.
Fis-seduta tal-lum, intqal li l-vittma mietet fgata matul il-lejl u mhux filgħodu, kif kien iddikjara l-akkużat.
Abina ddeskriva r-relazzjoni tiegħu ma’ Ellul, bħala waħda faċli u pjuttost normali.
Mistoqsi dwar inċident ta’ vjolenza domestika li seħħ fl-2020, l-akkużat qal li kien każ ta’ darba minħabba li ħaseb li kienet qed taqlibhielu. Dan minkejja li fir-rapport li kienet għamlet dak iż-żmien l-istess Ellul, kienet qalet li din ma kinitx l-ewwel darba.
L-akkużat qal li kien hemm darba oħra meta l-vittma tagħtu daqqa u hu taha oħra lura.
Matul l-interrogazzjoni, il-Pulizija qalu lil Abina li hi kienet tibgħat messaġġi lil sħabha u tgħidilhom b’diversi episodji ta’ vjolenza domestika.
Il-Pulizija staqsew lill-imputat ukoll dwar black eye li ġiet osservata waqt l-awtopsja, bl-akkużat jgħid li hu qatt ma refa’ idu fuq Rita matul dak il-lejl.
Abina stqarr li meta pprova jifga lil Rita, hi kienet nofsha rieqda, bdiet tibki u pprovat tiddefendi ruħha. Mistoqsi dwar ir-raġuni wara l-allegat qtil, Abina qal li hu beża’ li Rita titilqu għal ‘Stefan’ – karattru fittizju li kienet ħolqot – u tmur lura Malta.
Meta mistoqsi fl-interrogazzjoni dwar kif wetta l-omiċidju, Abina qal li tela’ fuqha u beda jifgaha b’subgħajh il-kbir waqt li kienet nofsha rieqda.
Sadanittant, fil-Qorti, l-akkużat iddikjara li mhux se jkun qed jixhed.