Mat-twieqi tal-ħwienet u l-istabbilimenti tax-xiri f’pajjiżna, qed jiddominaw tabelli bi skontijiet u offerti speċjali marbutin mal-Black Friday, li għal sena oħra, xprunat ix-xiri f’dan iż-żmien sinonimu mar-rigali, ġimgħat biss qabel il-festi tal-Milied.
Oriġinarjament, il-Black Friday kienet popolari minn fejn toriġina – fl-Istati Uniti tal-Amerka – iżda mas-snin infirxet anke fl-Ewropa u baqgħet iżżid fil-popolarità mal-popli kollha madwar id-dinja.
Tant hu hekk, li ħafna saru jifirxu l-offerti fuq tmiem il-ġimgħa sħiħ, minflok f’jum wieħed, u jsejħulu Black Weekend. Hawn min saħansitra jestendi l-iskontijiet għal xahar sħiħ.
Tard il-Ġimgħa waranofsinhar, ONE News ħa l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, dwar l-andament matul il-jum.
Qalet, “S’issa s-sinjali huma tajbin, jiġifieri kien hemm affarijiet li ma ħarġux to the ideal conditions, bħat-temp, imma qalulna li hemm ċaqliqa tajba, waranofsinhar dejjem ix-xiri jirpilja aktar, u jekk inti forsi qed taqta’ qalbek minħabba l-maltemp, illum għandna l-konvenjenza kollha onlajn.”
Hi saħqet li x-xiri onlajn dejjem qed iżid fil-popolarità.
Stqarret, “L-onlajn baqgħet u se tibqa’ importanti, il-konsumatur illum hemm min ħa ġurnata leave, imma hemm min ilu jixtri ġimgħat bil-mod, iqis x’offerti hemm u juża l-ħin liberu tiegħu biex fil-kwiet u fil-kumdità ta’ daru, jixtri u jaqdi l-esiġenzi tiegħu.”
Minkejja l-popolarità tax-xiri onlajn, hemm dawk li xorta jippreferu jixtru mill-ħwienet.
Il-Ġimgħa filgħodu, ONE News żar kumpless tax-xiri fil-Ħamrun, fejn minkejja t-temp ikrah u x-xita, kienu ħafna li xorta marru biex jixtru.
Sadanittant, fuq il-midja soċjali, il-Pulizija wissew lill-pubbliku biex iżomm għajnejh miftuħin għal ċertu qerq li jista’ jiltaqa’ miegħu f’dan iż-żmien sinonimu max-xiri.
Mill-ħwienet, il-Pulizija appellaw biex dak li jkun joqgħod attent b’dak li jkun għaddej madwaru, iżomm il-basket magħluq u jiċċekkja li għandu kollox miegħu.
Fil-każ tal-onlajn, l-appell hu biex il-pubbliku jixtri minn sorsi siguri, ma jagħtix dettalji bankarji bl-addoċċ u jżomm rekord tat-tranżazzjonijiet li jagħmel u d-dettalji relevanti marbutin max-xiri.