Proprju ftit tal-ħin ilu, iċ-ċumnija tal-Kappella Sistina fil-Vatikan ħareġ id-duħħan abjad tant mistenni, f’indikazzjoni li ntlaħaq qbil fuq min se jkun il-Papa l-ġdid wara r-raba’ vot tal-kardinali fil-konklavi, li ttieħed dalgħodu.
Il-133 kardinal taħt it-80 sena wkoll ivvotaw fil-ftuħ tal-Konklavi l-Erbgħa filgħaxija u fl-ewwel vot dalgħodu, iżda l-ebda isem ma ġab l-appoġġ taż-żewġ terzi meħtieġa, jiġifieri mill-inqas 89 vot, biex isir Papa wara Papa Franġisku, li miet fil-21 ta’ April li għadda.
Għall-jum tal-lum kienu skedati erba’ voti b’kollox, it-tnejn ta’ dalgħodu, ieħor waranofsinhar u ieħor filgħaxija. L-istess proċess kellu jibqa’ jiġi ripetut sakemm miċ-ċumnija joħroġ id-duħħan abjad, li rajna ftit tal-ħin ilu.
Issa tqum antiċipazzjoni oħra hekk kif, fil-ħin li ġej, mill-gallarija tal-Vatikan jitħabbar uffiċjalment min se jkun il-Kap tal-Knisja Kattolika Rumana, li mbagħad ukoll mistenni jitfaċċa għal fuq Pjazza San Pietru u jsellem, għall-ewwel darba, lill-eluf ta’ devoti miġburin fuq il-post għall-bidu ta’ Papat ġdid.
Fost dawn hemm ukoll għexieren ta’ ċittadini Maltin bil-bandiera ta’ pajjiżna f’idejhom.
Ġurnalisti ta’ ONE News jinsabu fil-Pjazza tal-Vatikan jirrapportaw dwar dan l-avveniment storiku u, b’mod kontinwu u permezz ta’ one.com.mt, qed jaġġornawna b’dak li għaddej.