Il-ġurnali fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali kollha sebbħu jirreaġixxu għall-aħħar dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir bejn il-mexxejja.
Fost l-oħrajn bi prominenza l-gazzetta Maltatoday rrapurtat kif il-Prim Ministru Robert Abela kien konvinċenti iżjed mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Il-gazzetta kompliet tgħid kif filwaqt li Bernard Grech kien konfrontattiv tul id-dibattitu kollu, Robert Abela tkellem dwar affarijiet li jolqtu direttament lin-nies.
Ingħad kif Robert Abela kien konvinċenti fil-messaġġi li bagħat u wera li miegħu l-elettorat jaf fejn hu.
Min-naħa l-oħra Bernard Grech kontinwament inħella jibbotja f’diskors konfrontattiv tul id-dibattitu.
Tal-istess ħsieb kienet l-‘illum’ li spjegat kif Robert Abela kien aktar b’saħħtu fuq l-aktar affarijiet li finalment jagħmlu l-akbar differenza lin-nies: ix-xogħol u l-ekonomija.
Dan f’dibattitu meqjus bħala f’kontinwità ġenerali tal-kampanja.
L-editur Albert Gauci Cunningham fl-analiżi tiegħu stqarr kif il-Prim Ministru Robert Abela bena fuq it-track record b’saħħtu li għandu Gvern Laburista illi żamm lill-pajjiż u sa fejn possibbli lill-familji u negozji fil-wiċċ, waqt l-agħar kriżi ekonomika dinjija, Ewropea u lokali sa mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Dwar wegħdiet b’rabta ma’ skemi tal-firstime buyers, żieda fil-pensjonijiet u stipendji u skemi oħra li jaffetwaw il-but tan-nies, Robert Abela wkoll kien konvinċenti, dan anke minħabba l-fatt li taħt it-tmexxija tiegħu diġà saru skemi simili b’suċċess.
Fir-rapport tagħha dwar id-dibattitu it-Times ukoll innotat kif l-interventi tal-Prim Ministru Robert Abela kienu sostanzjati b’figuri preċiżi u timelines, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista kien akkużat li m’għandux.
Min-naħa l-oħra l-gazzetta nnotat kif Grech kompla jsemmi dak li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat.