F’dibattitu fuq il-programm ‘XTRA’, il-kandidata tal-Parlament Ewropea Claudette Abela Baldacchino ġabet fix-xejn l-argumenti tal-kelliema tal-Partit Nazzjonalista. Dan meta wriet bil-fatti kif ir-riżultati ġabu fix-xejn dak li l-establishment tal-Partit Nazzjonalista kien ibeżża’ bih.
Abela Baldacchino, b’esperjenza ta’ diversi snin fil-politika u fil-Partit Laburista, tkellmet dwar ir-riżultati, li qed jikseb il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, u li jibnu fuq id-diversi riformi li saru mill-2013 ’il quddiem.
Fakkret kif il-Partit Nazzjonalista beżża’ bil-Partit Laburista u r-riżultati wrew kif il-Partit Laburista għandu jkun l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, għax miegħu taf fejn qiegħed u meta jagħti kelma jżommha.
“Illum għandna l-aktar rata ta’ mpjiegi. Għandna investimenti f’impjiegi ta’ kwalità. Tajna żidiet fil-pensjonijiet kontinwi,” qalet Abela Baladdchino li tat diversi eżempji ta’ kif kienu mgħejjuna n-nies.
Hawn irrimarkat għall-politika kattiva tal-PN, li kien jgħid li jgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-qalb, u li l-kampanji tiegħu huma mibnijin fuq l-attakki u mhux fuq il-proposti. B’differenza l-Partit Laburista għandu manifest ibbażat fuq l-imħabba għal Malta.
“Ejjew inġibu l-aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin. Dak li għamilna bħala pajjiż fuq livell nazzjonali rridu naraw li nestenduh fil-Parlament Ewropew. Irridu nwasslu leħen il-familji Għawdxin u Maltin fil-Parlament Ewropew,” temmet Abela Baldacchino.