Il-kandidata Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino tkellmet dwar il-bidliet kbar li ġab u qed iġib il-Partit Laburista u li fissru ġid kbir għall-familji Għawdxin u Maltin.
F’diskors f’Santa Luċija, Abela Baldacchino tkellmet favur miżuri għall-familji li ħadmet dwarhom fi ħdan Gvern Laburista u semmiet ukoll għadd ta’ bidliet li tejbu l-ħajja tal-pensjonanti.
Filwaqt li tat elenku ta’ dawn il-bidliet, hi tkellmet dwar oqsma fejn jeħtieġ li jsiru bidliet oħrajn, għax illum il-pajjiż għandu pedament sod fuq id-direzzjoni li ġab il-Partit Laburista.
Qalet, “Direzzjoni li ġabet magħha suċċessi li pajjiżna kien ġie mdorri jemmen minn Gvernijiet Nazzjonalisti li ma kinux possibbli. Dak hu aħna. Dak hu l-Partit Laburista. Għax aħna ġid biss nafu nagħmlu.”
Hawn appellat lil dawk li għadhom jaħsbuha jekk jivvotawx. Filwaqt li wieħed jifhem il-weġgħat u l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, żiedet li li ma tivvotax mhux soluzzjoni, għax wieħed ikun qed iwitti t-triq lil nies bħal David Casa.
Dan wara li Casa diġà iddikjara li dak li għamel s’issa mhu xejn u li se jagħmel ħafna agħar, tant li jrid jagħmel gwerra qaddisa lill-Gvern Laburista.
Qalet, “Fit-8 ta Ġunju nivvotaw favur ġustizzja ta’ vera ma’ kulħadd, favur il-ħaqq u s-sewwa u favur dawk li għalihom, bil-fatti, Malta tibqa’ dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox.”
Abela Baldacchino temmet tgħid li, fit-8 ta Ġunju, irridu nagħżlu jekk nagħtux vot qawwi ta’ fiduċja lill-Gvern Laburista elett bl-akbar maġġoranza sentejn ilu jew jekk irridux inħallu lil min jimmanuvra minn wara l-kwinti biex jimmina r-rieda sovrana tal-poplu tagħna.