Il-kandidatura ta’ Claudette Abela Baldacchino għall-Parlament Ewropew tfisser ta’ kandidatura ta’ xi ħadd li ma beża’ qatt jitkellem dwar ir-riformi meħtieġa biex iktar nies iħossuhom inklużi u jgħixu l-ħajja li jixtiequ. Fuq kollox, Claudette Abela Baldacchino, hi suldat leali tal-Partit Laburista għal ħafna snin u m’hemmx dubju li hekk se tibqa’ fi żmien li ġej.
Dan kien is-sentiment ta’ diversi persuni li tkellmu fl-attivitajiet ta’ Abela Baldacchino u b’mod mill-iktar ċar esprimew fehma pożittiva dwar il-kandidatura tagħha.
Mill-Prim Ministru Robert Abela, għall-Ministri u eks Ministri, iżda wkoll attivisti soċjali u ġenituri u persuni li qasmu direttament l-esperjenzi tagħhom lkoll tkellmu dwar kif Claudette Abela Baldacchino hija politiku li għandha l-polz fuq il-ħtiġijiet tal-familji Maltin u Għawdxin. Mistoqsija dwar dan, Abela Baldacchino qalet: “Ħadt pjaċir ngħamel kampanja man-nies, għax jien għalhekk dħalt fil-politika. Iva, qiegħda fil-politika b’lealtà lejn in-nies, lejn il-pajjiż u lejn il-partit li qed nirrappreżenta. Bil-fiduċja tal-Maltin u l-Għawdxin mill-Parlament Ewropew inkompli nibni fuq dan.”
Hi żiedet tgħid li għal darb oħra rajna differenza kbira bejn iż-żewġ partiti fejn wieħed iffokat fuq l-attakk personali u ieħor iffokat fuq kif se ntejbu ħajjet in-nies. “Jien u sħabi tkellimna kull fejn morna fuq dak li jolqot lill-familji, b’kuntrast il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista tkellmu fuq lil min iridu jkissru. Dik kienet id-differenza bejnietna. Għalhekk nhar is-Sibt l-għażla hija waħda ċara ħafna,” temmet tgħid Abela Baldacchino.