Bid-deċiżjonijiet li nieħdu fi tmienja ta’ Ġunju ma nistgħux nibagħtu messaġġ li lesti nreġġgħu l-arlogġġ lura. Qalet dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino li nsistiet li l-Partit Nazzjonalista ma nbidilx.
F’sensiela ta’ laqgħat mal-attivisti tal-Partit Laburista fiċ-ċentri tal-lokal madwar Malta u Għawdex, il-kandidat Laburista qalet: “Isimgħu kif jitkellmu. Għadhom il-partit tal-awsterità. Jattakkaw il-ħin kollu l-investiment fin-nies u jigdbu li qed jikber id-dejn, meta llum id-dejn huwa 20% inqas milli kien fi żmien Gvern Nazzjonalista.”
Abela Baldacchino fakret kif id-dejn kien 20% iktar meta la żdiedu l-pensjonijiet, la ngħata l-wage supplement u l-anqas kien hemm benefiċċji bħaċ-child care b’xejn jew it-trasport pubbliku u għall-iskejjel b’xejn.
“Dawn biex insemmi ftit eżempji. Fl-aħħar snin daħħalna lista twila ta’ inizjattivi biex insostnu n-nies u hekk bnejna middle class ġdid. Fl-aħħar sentejn bil-Manifest Malta flimkien komplejna nibnu fuq dan u għalhekk il-Partit Laburista għandu bżonn il-fiduċja biex ikun fl-aqwa pożizzjoni li jwettaq dak li jwiegħed,” sostniet Abela Baldacchino.
Saħqet li fil-ħajja xejn ma jista’ jittieħed forgranted, l-anqas il-kisbiet ta’ pajjiż u fisret kif hu ċar li l-Partit Nazzjonalista lest idawwar l-arloġġ lura.
“Araw b’min ħarġu jikkampanjaw! B’Lawrence Gonzi u Simon Busuttil. Mhux kumbinazzjoni, għadhom jemmnu dak li kienu jemmnu meta kienu fil-gvern li l-investiment fin-nies iġib il-bailout u li l-labour won’t work. Aħna urejna li l-investiment fin-nies iġib l-ikbar tkabbir ekonomiku u l-inqas rata ta’ qgħad. Favur din il-politika rridu nivvotaw fi tmienja ta’ Ġunju,” saħqet Abela Baldacchino.
Fissret kif il-politika fuq bażi Ewropea għandha impatt fuq dan kollu u għalhekk il-pajjiż għandu bżonn MEPs tal-Partit Laburista. “Jien diġà għandi esperjenza fi Brussell u dik l-esperjenza tgħini biex nibda mill-ewwel ġurnata naħdem favur Malta jekk ningħata l-fiduċja,” temmet tgħid il-kandidat Laburista.