Il-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino tkellmet dwar il-bżonn li l-pajjiż jinvesti f’inizjattivi li jappoġġjaw lill-familji. B’referenza għall-inizjattiva ta’ childcare b’xejn, Abela Baldacchino fissret kif l-appoġġ lill-familji jgħin ukoll l-iżvilupp tat-tfal.
Fi żjara f’Teddies Childcare Centre fiż-Żurrieq, Abela Baldacchino kienet akkumpanjata mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Abela Baldacchino rrefriet kif iċ-childcare bla ħlas hu monument soċjali ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin u, kif propost fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, dan għandu jibqa’ jissaħħaħ.
Fissret kif, filwaqt li jgħin lill-ġenituri jibqgħu jaħdmu, tant li r-rata tan-nisa fis-suq tax-xogħol illum issaħħet bil-kbir, għandu element ieħor importanti li hu l-iżvilupp tat-tfal.
Qalet, “Ħaddiema bħal dawn, li jaraw l-isfidi li jkollhom it-tfal sa minn età bikrija għandhom ikunu rikonoxxuti bl-iktar mod tajjeb u ċar f’pajjiżna. Għaxar snin ta’ child care ta’ mhux biss investiment soċjo ekonomiku lill-pajjiż, imma ta wkoll iċ-ċans lill-familji jmorru fid-dinja tax-xogħol u hekk kibret l-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Iż-żjara fiċ-childcare fiż-Żurrieq minn Abela Baldacchino saret ukoll fil-kuntest ta’ Jum il-Ħaddiem, li jkun iċċelebrat fl-Ewwel ta’ Mejju.
Il-President Emeritu Coleiro Preca faħħret lil Abela Baldacchino tal-inizjattiva, waqt li wkoll faħħret lill-ħaddiema f’dan is-settur.
Settur li Abela Baldacchino tenniet irridu nibqgħu naraw li jkollu l-ogħla standards u l-aqwa taħriġ, għax hawn qed nitkellmu fuq l-iżvilupp tat-tfal. Hawn saħqet li wieħed m’għandux jinsa lanqas lit-tfal li għandhom ħtiġijiet differenti jew partikolari, għax it-tfal kollha għandu jkollhom l-istess opportunità fis-soċjetà.