Persuni li jkunu raddew flus mhux dovuti lilhom fil-każ ta’ irregolarità f’għajnuna soċjali jistgħu jingħataw maħfra mill-proċeduri kriminali taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li jixhdu kontra min ħadem din l-iskema.
Dan tħabbar fi stqarrija hekk kif il-Gvern spjega b’mod ċar li ebda maħfra ma tgħodd għal min allegatament kien l-arkitett, ippromova jew instiga dawn l-irregolaritajiet.
B’rabta ma’ dan il-Kabinett tal-Ministri rrakkomanda lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono biex tingħata l-maħfra lil persuni li jkunu raddew il-flus u lesti jixhdu kontra min ħadem l-iskema ta’ abbuż mis-sistema tal-benefiċċji soċjali.
Fil-fatt l-istqarrija tal-Gvern fiha numru ta’ kundizzjonijiet ċari għal min tapplika l-maħfra:
L-ewwel kundizzjoni tara li l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jippreżentaw talba bil-miktub lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali fejn jikkonfermaw illi huma jixtiequ jibbenefikaw minn din il-maħfra u jagħtu t-tagħrif fattwali kollu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li jkun jinħtieġ mingħandhom dwar it-talba tagħhom.
It-tieni kundizzjoni tgħid li l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jħallsu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali l-ammonti kollha miksuba minnhom mingħajr ma kienu eligibbli ghalihom flimkien ma’ dak l-ammont ta’ spejjeż amministrattivi li jiġi stabbilit fid-diskrezzjoni tad-Direttur, jew jilħqu ftehim validu u bil-miktub mad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali dwar kif se jħallsu lura l-ammonti miksuba minnhom indebitament u l-imsemmija spejjeż amministrattivi;
It-tielet kundizzjoni hija li d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali jikkonferma bil-miktub illi l-persuna konċernata tkun issodisfat il-kundizzjoni B;
Ir-raba kundizzjoni tinvolvi lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li jressaq lill-Kummissarju tal-Pulizija l-konferma msemmija fit-tielet kundizzjoni u l-Kummissarju tal-Pulizija jgħaddi dik il-konferma lill-Ministeru għall-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jikkonferma l-ħruġ tal-maħfra lill-applikant;
Il-ħames kundizzjoni tgħid li l-għoti ta’ maħfra lil xi persuna skont din il-Proklama m’għandu bl-ebda mod jiġi interpretat bħala li qiegħed jeżenta lil xi persuna li tkun ibbenefikat mill-maħfra milli tixhed u tgħid is-sewwa, kull meta tkun imħarrka jew meħtieġa skont xi liġi li tixhed dwar iċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għall-ħlas indebitu tal-benefiċċju soċjali li dwaru tkun inħarġet maħfra, fi proceduri kontra haddiehor.
Intant taħt is-sitt kundizzjoni, il-maħfra tkun irtirata u għandha titqies li qatt ma ngħatat jekk il-benefiċċjarju jirrifjuta li jixhed jew jonqos milli jagħti xi depożizzjoni mitluba minnu skont il-liġi jew jekk jirriżulta illi f’xi depożizzjoni l-benefiċċjarju ma jkunx xehed is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa;
L-aħħar kundizzjoni tgħid li din il-maħfra tapplika biss għall-persuni li rċevew l-imsemmija benefiċċji mingħand id-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u ma tapplikax għall-persuni li kienu l-artefiċi, il-promoturi jew l-istigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra. Dan anke f’każ li huma wkoll setgħu irċevew xi benefiċċju soċjali indebitament;
Intant fuq dawn il-każijiet fl-istqarrija ġie spjegat kif kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li rrapporta lill-Pulizija biex tinvestiga mal-ewwel suspett li ġie għall-attenzjoni tagħha.
Dan filwaqt li wara din l-azzjoni skattaw l-investigazzjonijiet u l-proċeduri fil-Qorti.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali anki ħatar bord li evalwa s-sistema tal-proċess tal-applikazzjoni għall-assistenza għal diżabiltà severa, liema bord għadda rapport b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet.