Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li huwa wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gustizzja, huwa avukat. Bħala avukat lili – u lil ħafna minnkom – bħala ċittadini komuni, suppost li jgħallimna ħafna dwar aspetti legali. Dwar il-liġijiet ta’ pajjiżna. Suppost jgħallimna li ħadd ma jista’ jkun prosekutur, ġurat u ġudikant fl-istess ħin.
Ħaġa naturali, hux veru! Imma Jason Azzopardi, bl-imġieba tiegħu fil-Parlament, qiegħed jgħidilna li hu jista’ jkun prosekutur, ġurat u ġudikant fl-istess ħin. Ħaġa waħda biss mhuwiex jagħmel. Ovvjament għax ma jistax jagħmilha. Jagħti sentenza. Jikkundanna lil xi ħadd li, ħa ngħidha kif inħossha, ma jgerrħux.
Mhux se nidħol fid-dettall dwar l-aħħar każ fejn Jason Azzopardi għamel akkużi serji fil-konfront ta’ Joseph Muscat. Konvint li ħafna minnkom segwew dak kollu li ġara, fosthom iċ-ċaħda kategorika ta’ Joseph Muscat u d-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li sab lil Jason Azzopardi, prima facie ħati ta’ ksur ta’ privileġġ.
Mhux se nidħol fid-dettall għax lili jinteressani, u hawn naqbel mal-Ispeaker, li ħadd m’għandu jieħu vantaġġ mill-privileġġ parlamentari biex iħammeġ lil xi ħaddieħor, b’mod partikolari lil kollegi tiegħu bħala rappreżentanti tal-poplu. Imma mmur ’il bogħod aktar minn hekk.
Il-membri parlamentarii jridu joqogħdu attenti li ma jabbużawx mill-privileġġ parlamentari u jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom, mingħajr ebda provi b’saħħithom.
Ma kienx biss Jason Azzopardi li f’dawn l-aħħar ġimgħat tkellem fil-Parlament bla ma qies l-akkużi serji li kien qiegħed jagħmel. Ħasra li fost il-membri tal-Oppożizzjoni, sempliċiment biex mingħalihom jiskurjaw punti politiċi, hemm min qiegħed jinsa, (jew aħjar ngħid konvenjentement qiegħed jinsa), li kull min huwa akkużat b’xi reat, hu x’inhu, huwa meqjus innoċenti, sakemm tingħata s-sentenza finali li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
Din hija ħaġa perikoluża ħafna. Kull min għandu akkużi fil-konfront tiegħu fil-Qorti, għandu dritt għal smigħ xieraq. L-ebda rappreżentant tal-poplu, għax għandu l-privileġġ parlamentari, m’għandu jasal għall-konklużjonijiet tiegħu u jesprimihom fil-Parlament. Min jagħmel hekk, ikun qiegħed jippreġudika l-każ involut. Jien, personalment, ma neskludix li dan ikun qiegħed isir bi skop.