Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkun qiegħed iressaq għall-konsultazzjoni pubblika abbozz ta’ regolamenti dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Ħabbar dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi waqt il-programm XTRA imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali.
“Il-Gvern, anki permezz ta’ dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru l-ġimgħa li għaddiet, illi f’Marzu se jkollna l-abbozz li bih se nkunu qegħdin noħorġu, eventwalment, u finalment ikollna l-liċenzjar tal-kuntratturi.”
Il-Ministru spjega kif dan it-tibdil se jkun qiegħed jidħol fis-seħħ wara li jkun hemm emendi ghal-liġi tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u jinħarġu Avviżi Legali dwar is-suġġett. Saħaq li l-liċenzjar se jkun qiegħed jassigura kwalità għolja ta’ ħiliet li jkollhom il-kuntratturi involuti.
“Il-kwistjoni tal-liċenzjar se tagħti livell ta’ kwalitajiet li għandu jkollu xi ħadd biex jidħol b’mod partikolari fejn jidħol il-bini, it-twaqqigħ, u l-iskavar, li huma t-tliet elementi ewlenin.”
Huwa nnota wkoll li fl-industrija tal-kostruzzjoni hemm qbil dwar il-ħtieġa ta’ dan il-liċenzjar mill-partijiet kollha involuti, fosthom il-Kamra tal-Periti u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, li huma fost id-diversi organizzazzjonijiet li pparteċipaw bis-sħiħ fil-konsultazzjoni dwar dan l-abbozz qabel ma issa se jinħareġ għall-pubbliku.
Dan minħabba li l-għan aħħari tat-tibdiliet huwa li s-settur jaġġorna l-metodi tiegħu filwaqt li jibqa’ jiffunzjona anki waqt li jidħlu aktar miżuri.
Ġie nnotat ukoll il-fatt illi l-liċenzjar tal-kuntratturi m’huwiex qiegħed isir waħdu, iżda parti minn sensiela ta’ tibdiliet li qegħdin isiru biex jimmodernizzaw il-mod ta’ kif taħdem din l-industrija importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru responsabbli mill-ippjanar qal li s-sensiela ta’ bidliet jirriflettu l-involviment tad-diversi professjonisti fi proġetti ta’ kostruzzjoni bħall-periti u l-inġiniera, u aspetti differenti bħas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq is-sit tal-kostruzzjoni.
“Bidla importanti li rajna fl-aħħar tas-sena li għaddiet huwa l-bidu ta’ Periti Act ġdid illi permezz tiegħu qiegħda ssir riforma ta’ kif titħaddem il-professjoni tal-periti. Xi ħaġa tajjeb li nsemmu pereżempju kif il-Kamra tal-Periti kienet tiddixxiplina lill-periti kienet għadha regola li kienet għadha ġejja mill-1920 u issa minn Diċembru li għadda daħħalna Periti Act ġdid bil-konsegwenza li l-istess Kamra tal-Periti għandha aktar miżuri li tista’ tieħu fil-konfront dwar kif joperaw il-periti.”
B’hekk, ir-regolamentazzjoni ta’ din l-industrija se tkun qed tirrifletti l-mod ta’ kif l-istess industrija taħdem illum il-ġurnata.