Il-Gvern ippubblika abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu qed jipproponi emendi biex titneħħa l-possibilita li akkużat jabbuża mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Dawn l-emendi ppubblikati l-Ħamis jipprovdu s-sospensjoni tat-termini għall-għoti tal-ħelsien f’każ li l-akkużat iwaqqaf smigħ ta’ kawża billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu u f’każ li s-smigħ ta’ kawża ma jkunx jista’ jseħħ għal raġuni attribwita esklużivament li xi wieħed jew aktar mill-akkużati.
Fil-każ li s-smigħ ta’ kawża ma jseħħx minħabba effetti ta’ ħsara ta’ xi akkużat fuqu nnifsu, inkluża l-ħsara fuqu nnifsu, dak it-terminu jiġi sospiż għal xahrejn jew għal kemm iddum il-ħsara fil-każ tal-akkużat li jkun ikkaġuna ħsara fuqu nnifsu u, dwar il-koakkużati, għal xahrejn kull darba b’massimu ta’ sitt xhur fl-okkażjonijiet kollha li fihom tintuża din id-dispożizzjoni.
Bħalissa, il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li l-ħelsien mill-arrest jingħata dejjem jekk smigħ ta’ kawża ma jseħħx fi żmien tletin xahar, f’każ li persuna tkun akkużata b’reat li jkun jista’ jeħel ħmistax-il sena ħabs jew aktar.
Dan l-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, u mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
Il-Ministru Jonathan Attard ikkummenta li interventi leġiżlattivi ta’ dan it-tip ikomplu jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jassigura li ma jkunx hemm abbużi mill-proċessi ġudizzjarji.
“Li jikkonferma l-impenn tal-Gvern illi jassigura li ma jkunx hemm abbużi mill-proċessi ġudizzjarji tagħna u dan qed isir b’rispett lejn il-vittmi, lejn qrabathom, lejn is-soċjetà inġenerali, biex ikun assigurat illi ssir ġustizzja sew f’pajjiżna.”
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq fuq l-importanza illi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli u l-użu ta’ tattiċi għad-dewmien jiġi miġġieled.
“Dawn l-emendi illi ġew ippubbikati llum ser iservu proprju għal dak, għaliex proprju li s-sospensjoni tat-termini tal-għoti mill-ħelsien mill-arrest sta li l-akkużat iwaqqaf is-smigħ ta’ kawża li jikkaġuna ħsara lilu nnifsu jew inkella lilha.”