Żgħażagħ Laburisti laqgħu b’sodisfazzjon l-abbozz ta’ liġi b’qafas legali ġdid għall-użu personali tal-kannabis li kien ippreżentat għall-ewwel qari fil-Parlament it-Tnejn li għadda u dalgħodu ngħataw dettalji tiegħu.
Fi stqarrija, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista qalet li hija kienet fost dawk li ħadu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni mniedi mill-Gvern u nnutat b’sodisfazzjon li proposti minn tagħha kienu inklużi fl-abbozz ippreżentat fil-Parlament.
Żgħażagħ Laburisti sostnew li b’dan l-abbozz il-Gvern qed juri li hu l-iktar forza riformista f’pajjiżna u dan wassal biex qed iressaq ‘il quddiem liġi ambizzjuża u responsabbli.
Huma qalu li l-mod kif tfasslet il-liġi hu maħsub biex ineħħi l-istigma u ma jistmax ta’ kriminali persuni li fil-fatt mhumiex ta’ hekk. Żgħażagħ Laburisti laqgħu l-proposta li għandha l-għan li tnaddaf il-kondotta tal-persuni li jkunu nstabu ħatja mill-Qorti ta’ Malta ta’ reat li se jkun qed jiġi dekriminalizzat. Dan sabiex titnaqqas il-marġinalizzazzjoni fis-soċjetà. Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista tennew li l-introduzzjoni u t-twaqqif tal-awtorità dwar l-użu responsabbli tal-kannabis hekk kif proposta wkoll għandu jkollha rwol importanti u nnutat b’sodisfazzjon li din hi proposta oħra li tressqet ‘l quddiem fid-dokument li kien ssottomess fil-konsultazzjoni pubblika minn din il-fergħa.
Żgħażagħ Laburisti temmew jgħidu li issa jħarsu ‘l quddiem għal dibattitu parlamentari bbażat fuq il-fatti bil-għan li din ir-riforma tkun konkluża bħalma kienu konklużi riformi oħra importanti minn Gvern Laburista.
Aqra wkoll: