Permezz ta’ abbozz ippublikat u li għadda mill-istadju tal-ewwel qari fil-Parlament, il-Gvern ser ikun qed jemenda sistema legali diskriminatorja fil-konfront tal-mara f’pajjiżna.
Ħabbru dan is-SegretarjI Parlamentari Rosianne Cutajar u Alex Muscat hekk kif spjegaw din ir-riforma.
Bħalissa hija l-mara biss li tintalab tniżżel l-istat ċivili tagħha meta tkun qed tagħmel att notarili.
Permezz ta’ din ir-riforma issa l-irġiel ukoll ser ikunu mitluba jniżżlu l-istat ċivili tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Cutajar stqarret: “Li ħa jkun qed jiġri huwa li mil-lum ‘il quddiem ġaladarba dan l-abbozz jidħol fis-seħħ l-istat ċivili mhux se jibqa’ jkun kriterju li jintalab biss lin-nisa meta jersqu biex jagħmlu att nutarili iżda ħa jkun kriterju li se jibda jintalab lill-irġiel ukoll.”
Dan ser jgħin iktar ukoll fl-intraċċament ta’ kwistjonijiet notarili fil-konfront ta’ rġiel li jagħżlu jibdlu kunjomhom.
It-Teżorier tal-Kunsill Notarli, Dr Ronald Wedged spjega: “Ovvjament fil-bill il-fatt li ħa nsaqqsu l-irġiel il-kunjom tat-twelid tagħhom, jekk dan seta’ nbidel għalkemm l-inċidenza tat-tibdil tal-kunjom tar-raġel hija inqas minn tal-mara għal-raġunijiet soċjali antiki naħseb li tgħin ovvjament biex aħna nintraċċaw jekk ikun hemm xi debitur u affarijiet notarili oħra.”
Intant is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li din ir-riforma hija biss parti żgħira mix-xogħol li qed isir bħalissa għal aktar riformi f’dan il-qasam.
Huwa qal: “Ħa nkunu qed nindirizzaw numtru ta’ affarijiet oħra fil-futur qrib fosthom l-għażla tal-kunjomijiet jiġifieri meta bniedem jiġi biex jiżżewweġ jew jidħol f’unjoni ċivili, l-options li jkollu hu available għall-kunjomijiet. Iktar xogħol li qed isir mill-public registry xi ħaġa li tinstema’ sempliċi imma hija importanti wkoll, il-punteġġjatura tal-Malti.”
Hawnhekk Muscat sostna li din ir-riforma meta tidħol fis-seħħ ser tagħti l-għażla lill-ġenituri li jagħtu isem lit-tfal tagħhom li jkun jinkludi l-punteġġjatura Maltija.