Il-grupp leġġendarju Svediż ABBA reġa’ ngħaqad, almenu għal serata waħda.
F’dehra rari flimkien, l-erba’ membri tal-grupp jiġifieri Agnetha Faltskog, Björn Ulvaeus, Benny Andersson u Anni-Frid (Frida) Lyngstadk kantaw fuq l-istess palk.
Id-dehra tagħhom flimkien saret waqt attivita’ privata biex jitfakkar il-ħamsin anniversarju mill-bidu ta’ ABBA. Filfatt ħamsin sena ilu, il-pijunieri tal-grupp jiġifieri Björn u Benny iltaqgħu għall-ewwel darba f’Linköping.
Waqt din l-attivita’, Björn u Benny sejħu lil Agnetha u Frida biex jingħaqdu magħhom fuq il-palk, fost iċ-ċapċip u l-emozzjonijiet li assistew għalihom dawk ixxurtjati li kienu preżenti.
ABBA rebħu l-Eurovision Song Contest tal-1974 permezz tal-kanzunetta Waterloo. Huma baqgħu jiksbu suċċess wara l-ieħor biex il-mużika tagħhom xterdet mad-dinja kollha. ABBA infirdu fl-1982 wara diżgwid bejn il-grupp iżda t-talba biex jingħaqdu qatt ma waqfet.
Saħansitra jeżistu rapporti li kien hemm talba ta’ biljun dollaru sabiex huma jerġgħu jingħaqdu iżda baqa’ ma sar l-ebda żblokk.