Iċ-champion renjanti tas-Snooker, Aaron Busuttil flimkien mal-veteran Alex Borg ser ikunu ż-żewġ players Maltin li ser jirrapreżentaw lil pajjiżna waqt il-Kampjonat Dinji tas-Snooker li ser jibda għada, is-Sibt, f’Golem, l-Albanija. Dan il-Kampjonat qed jiġi organizzat mill-World Snooker Federation u ser jintlagħab fuq format open u b’kollox kien hemm 211 il-registrazzjoni għalkemm min dawn player wieħed irtira l-parteċipazzjoni tiegħu.
B’kollox flimkien ma’ Malta hemm 38 pajjiż filwaqt li akbar ammont ta’ players mill-istess pajjiż ser ikunu mill-Ingilterra, b’total ta’ 61 player. Għall-ewwel fażi, il-fażi tal-gruppi li tintlagħab fuq format round robin, il-players ġew maqsuma f’43 grupp differenti u Aaron Busuttil telgħa fi Grupp A filwaqt Alex Borg kellu polza fi Grupp C iżda t-tnejn jinsabu fi grupp li fih total ta’ ħames players.
Huma t-tnejn ser jibdew l-impenji tagħhom għada. Aaron Busuttil jilgħab kontra Nattanapong Chaikul tat-Tajlandja filwaqt li Alex Borg jiltaqa’ mal-Irlandiż Seán King. F’din l-ewwel fażi l-logħob isir fuq format tal-aħjar minn ħames frames.
Il-Ħadd, Alex Borg biss jilgħab u l-avversarju tiegħu jkun ir-Rumen Cristian Surdea filwaqt li huwa jagħlaq il-logħob tal-Gruppi fil-jiem suċċessivi kontra Fatosh Dervishaj tal-Albanija u l-Ingliż Connor Benzey rispettivament.
Wara l-logħba ta’ għada Aaron Busuttil jilgħab il-konfronti tiegħu bejn it-Tnejn u l-Erbgħa u l-avversarji tiegħu huma il-Belgjan Pechenart Olivier, l-Ingliż Chae Ross u jagħlaq l-ewwel fażi kontra Muhammad Awais tal-Pakistan.
Minn kull grupp żewġ players jikkwalifikaw għal fażi tan-knock out li tasal fi tmiemha bil-finali li ssir il-Ħadd 11 ta’ Frar. Ir-rebbieħ ta’ dan il-kampjonat, barra l-ammont ta’ rebħ fi flus, jirbaħ ukoll id-dritt li jipparteċipa għal sentejn fil-World Snooker Tour professjonali mill-bidu tal-istaġun 2024/25.