“A party in dispersion”, hija l-mod kif l-editorjal ta’ The Malta Indipendent tal-lum qed tiddeskrivi l-qagħda prekarja li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista, li bħalissa suppost qed jippriedka politika ta’ għaqda biex ifakkar l-54 anniversajru minn meta Gżiritna saret indipendenti.
L-editorjal jinnota kif sal-Ħadd li għadda stess, għalkemm xi partitarji Nazzjonalisti marru fuq il-Fosos biex isegwu l-attivtajiet tal-Indipendenza, kien hemm iktar persuni quddiem il-Qorti jfakkru l-memorja tal-blogger Daphne Caruana Galizia. Dawn il-persuni ħafna jassoċċjawhom mal-Partit Nazzjonalista għal raġunijiet ovvji, iżda interessanti wieħed jinnota li l-ikbar applawż minn dawn in-nies tfaċċa’ kull darba li xi ħadd tkellem kontra l-PN.Dak huwa l-istat li n-new way ta’ Adrian Delia ġabet lill-Partit Nazzjonalista fih. Partit maqsum mal-erbat irjieħ ta’ pajjiżna, ‘a party in dispersion’, jgħid l-editorjal. Ħafna għadhom jiddubitaw għadux jeżisti Partit Nazzjonalista.
L-editorjal tal-Indipendent analizza l-atitudni ta’ Delia fid-dawl ta’ dan kollu. Innota kif il-grupp Parlamentari Nazzjonalista ilu ma jiltaqa minn mindu tlestiet l-inkjesta Egrant u ħareġ ċar li din ma kienet xejn għajr l-ikbar gidba politika fl-istorja ta’ pajjiżna. Adrian Delia ilu ma jiltaqa’ mal-predeċessur tiegħu Simon Busuttil xhur sħaħ, u diversi Deputati Nazzjonalisti qed jilmentaw mal-midja dwar it-tmexxija tal-Partit. Dan kollu, għax il-Kap tal-Oppożizzjoni mhu qed jagħmel xejn biex jipprova jgħaqqad lill-partit.
Moħħu biss biex jinnota x’għamel (jew aħjar, x’ma għamilx) fis-sena li ilu Kap Nazzjonalista, filwaqt li s-sondaġġi pubbliċi għall-Partit Nazzjonalista dejjem qed imorru għall-agħar. Adrian Delia jidher li qed jagħmel minn kollox biex jevita li jaffaċċja lil dawk li qed jilmentaw.
Il-ġurnal li s-soltu tant jappoġġja l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li Delia m’hu xejn għajr eku tal-famuża ‘Ejjew Magħna’ li kien jippriedka Borg Olivier qabel l-elezzjoni tal-1976.
Dan kollu għax it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tidher kuntenta ferm b’partit maqsum f’fazzjonijiet li kuljum jimpikaw fuq xi ħaġa ġdida.