Nhar is-17 u 18 ta’ Mejju, Għaxaq Music Events se jkunu qed iwasslu spettaklu mużikali mill-aqwa lill-pubbliku għas-SummerLust Music Festival fl-Għaxaq Grounds, b’żewġ artisti rinomati internazzjonalment.
Dan hekk kif fl-ewwel kunċert se jkun qed jagħti spettaklu Umberto Tozzi, wieħed mill-aqwa artisti fix-xena mużikali Taljana. Matul it-tour mużikali tiegħu, bl-isem ta’ ‘Gloria Forever’, se jiġi ċċelebrat ir-repertorju kbir tal-artist, li biegħ miljuni ta’ diski, b’kanzunetti bħal ‘Gente di Mare’ u ‘Gloria’, fost ħafna oħrajn.
L-għada, is-Sibt, imbagħad, se jittella’ l-akbar kunċert, li qatt sar f’Ħal Għaxaq, dak mill-artista Amerikana Anastacia, magħrufa mad-dinja kollha. Din l-artista biegħet aktar minn 50 miljun diska u diski, bħal ‘I’m Outta Love’, ‘Left Outside Alone’, ‘Sick and tired’ u ‘One day in your life’, fost oħrajn, dawruha d-dinja.
Bħas-snin ta’ qabel l-organizzaturi tal-festival Għaxqi jieħdu ħsieb li jaħsbu f’dawk li ma jistgħux igawdu festivals bħal dawn minħabba diversi nuqqasijiet u joffru għajnuna lil għaqdiet filantropiċi. Bl-għajnuna ta’ dawn il-kunċerti, matul is-snin, inġabru aktar minn ħamsin elf ewro għall-karità.
Din is-sena, mill-festival, li qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta, se jinġabru fondi b’riżq Dar Bjorn.
Il-biljetti għall-kunċerti jinkisbu minn fuq is-sit showshappening.com.