Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, inawgura xogħol ta’ titjib f’laboratorji tad-dijanostika; xogħol li sar b’investiment ta’ madwar €500,000.
Permezz ta’ dawn il-laboratorji, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti se jkun jista’ jittestja l-kampjuni li jittieħdu mis-siġar u l-pjanti f’Malta stess.
Sa ftit ilu, sabiex id-Direttorat ikun jaf jekk il-pjanti u s-siġar ikunux ħielsa minn mard infettiv, il-kampjuni riedu jintbagħtu f’laboratorji barra minn pajjiżna, u b’hekk kien qed jinħoloq dewmien bla bżonn, minbarra spejjeż ferm akbar.
Il-Ministru Refalo qal li, permezz ta’ dan l-investiment kruċjali, li kien ukoll miżura fil-Baġit, se jkunu bosta li se jgawdu. Dan għaliex dan l-investiment se jgħin sabiex il-ħaddiema jaħdmu f’ambjent li jħares aktar lil saħħithom. Fl-istess waqt, kemm id-Direttorat kif ukoll is-settur agrikolu se jkollhom r-riżultati aktar malajr, fl-iqsar żmien possibli.
Id-Direttur fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, Dennis Sciberras, spjega li, fost ix-xogħlijiet kien hemm it-tfassil tal-kmamar sabiex ikunu konformi mal-istandards internazzjonali tal-laboratorji. Barra minn hekk, fihom twaħħlet sistema għal ventilazzjoni aħjar sabiex tilqa’ aktar għal kwalunkwe riskju li jista’ jkun hemm. Inxtrat ukoll għamara apposta għal-laboratorji filwaqt li nġieb apparat speċjalizzat biex janalizza l-kampjuni f’Malta stess.